Kmieni f’din il-leġislatura l-gvern introduċa l-kunċetti ta’ ko-edukazzjoni u l-‘Middle Schools’ fil-livell Sekondarju tal-edukazzjoni. Dan kien ifisser bini ta’ estensjonijiet ta’ skejjel eżistenti, bini ta’ skejjel kompletament ġodda u iżgħar, u li jakkomodaw mhux aktar minn 550 studenti, kif ukoll tisbieħ estensiv f’diversi skejjel.
Barra minn hekk, investiment impressjonanti sar u qed isir f’interactive white boards, screens diġitali b’dedicated mini PCs, laboratorji u faċilitajiet sportivi intenzjonati biex iservu mhux biss għall-istudenti, iżda għall-pubbliku in ġenerali.
Meta kien qed jintroduċi dan il-vidjow li jagħti xhieda tax-xogħol li qed isir fil-konverżjoni tal-iskejjel tal-lum għal dawk t’għada, il-Kap Eżekuttiv il-ġdid tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada, Philip Rizzo, qal li Malta għolliet il-medja ta’ skola ġdida fis-sena tas-snin ta’ qabel għal medja ta’ 2.6 skejjel ġodda fis-sena, total ta’ 13 matul il-perjodu 2013-2018. Barra minn numru kbir ta’ estensjonijiet ġodda, matul l-2016 se jkunu qed jitlestew żewġ skejjel sekondarji ġodda f’Ħal Kirkop u fir-Rabat (fil-limiti ta’ Ħad Dingli). Dan qed isir b’investiment li jlaħħaq mal-€15M. Matul l-2017, il-Fondazzjoni se tkompli tilqa’ din l-isfida bil-bini ta’ tlett Skejjel Primarji kompletament ġodda f’Marsaskala, fil-Qawra, fejn il-popolazzjoni qed tespandi b’rata mgħaġġla, u fil-Belt Victoria, Għawdex, fejn l-iskola preżenti għandha madwar 160 sena!
It-tfal tal-lum finalment se jibdew jokkupaw l-iskejjel ta’ għada.
https://www.youtube.com/watch?v=B4HzkuublVw&feature=youtu.be