Tunnellati ta’ fdalijiet ta’ tonn li normalment jintremew fil-baħar se jinbidlu f’riżorsa għal prodotti ġodda, f’proġett li daħlu għalih tliet operaturi ewlenin f’Malta tal-akwakultura.
Fil-fatt, minn dak li kien jitqies bħala skart, se jibdew isiru żewġ prodotti, jiġifieri ikel tal-annimali domestiċi u għalf għall-ħut tal-akwakultura.
“Sal-lum aħna dan qed inqisuh bħala skart, qegħdin nistmaw li aħna f’kull sena narmu mal-4,000 tunnellata ta’ sorsa valida ta’ proteina u żejt li dan ħa jiġi trasformat f’dak li qed nistmaw 500 tunnellata ta’ fish meat, li huwa qisu dqiq u 800 tunnellata ta’ żejt tal-ħuta.”
Tristan Camilleri, Konsulent Tekniku għall-Aquaculture Resources Limited
Dan il-proċess se jkun qed isir f’impant f’Ħal Far, li x-xogħol fuqu għaddej ġmielu u li se jibda jopera lejn l-aħħar tas-sajf li ġej.
“Dan huwa proġett Malti, proġett li qed isir bl-għajnuna tal-Gvern għaliex li ma kienx il-Gvern li għena permezz tal-art, dan il-proġett ma setgħax isir, però huwa proġett illi l-investitur Malti se jkun qed jinvesti 11-il miljun ewro.”
Charlon Gouder, il-Kap Eżekuttiv ta’ Aquaculture Resources Limited
Waqt żjara fl-impjant, li jinsab fl-ewwel fażi ta’ bini, il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri qal li permezz ta’ dan il-proġett, mhux biss se tkun qed jinħoloq prodott ieħor, imma anke se jkun qed jgħin lill-ambjent.
Dan billi fost oħrajn se jkun qed inaqqas iż-żejt li joħroġ mill-għalf tal-fish farms, li jdejjaq lil dawk li jifrekwentaw il-bajjiet tal-madwar.
“Hemmhekk allura qed tiffranka milli ż-żjut jintremew fil-baħar u kif ukoll qed toħloq attività ekonomika ġdida, hawnhekk qed naraw investiment ta’ 11-il miljun ewro ġo impjant uniku, impjant li għandek ekonomija ċirkolari li tolqot il-punti kollha tal-proċessi mill-bidu sal-aħħar.”
Il-Ministru Silvio Schembri