Il-Gvern jinsab impenjat li l-isfida li ppreżenta l-eżitu tal-vot tal-FATF dwar Malta, idawwarha f’opportunità u joħloq ċertifikat ta’ eċċellenza għal pajjiżna.
Meta tkellem dwar dawn l-aħħar żviluppi, b’ton kuraġġuż u determinat, il-Prim Ministru saħaq li bħalma sar f’kuntest ta’ sfidi oħra, hekk ukoll se jsir f’din l-isfida, fl-aqwa interess tal-poplu Malti u Għawdxi.
Dr Abela fakkar kif fl-aħħar tal-elfejn u dsatax, kien hemm rapport tal-Moneyval bi tmienja u ħamsin rakkomondazzjoni, li dan il-Gvern wettaq ħamsa u ħamsin minnhom.
Qal, “Kieku l-affarijiet imxew bil-kors normali, dak kien rapport li kien ikun impossibbli fiż-żmien qasir li kellna sabiex timplimentah. Impossibbli għaliex tant kien hemm x’kellu jsir, li ż-żmien qasir ma kienx jippermettilna imma aħna għidna li mhux ħa nħallu qalbna tinqata’ għax hemm dan ir-rapport u mit-tmienja u ħamsin action plan, illum fadal biss tliet punti li jridu jiġu indirizzati.”
Il-Prim Ministru semma d-dispjaċir tiegħu għal min jipprova jqarraq bin-nies għal skop partiġġjan dwar l-eżitu tal-vot tal-FATF.
Spjega, “Kulħadd ra l-action plan u l-action plan jitkellem dwar ħasil ta’ flus u kif ħa nkomplu nsaħħu s-sistemi tagħna fejn jidħol il-ħasil ta’ flus. Ma jitkellimx dwar negozji leġittimi. Ma jitkellimx li għandna nagħmlu xi witchhunt fuq negozji leġittimi. Lanqas jgħid li għandna nippruvaw inkissru lil min qiegħed fil-business b’mod tajjeb.”
Qal li bil-fatti, dan ma jistax ikun Gvern li jkisser lin-negozji.
Qal, “Tfesfisa li kien hemm għaddejja minn taħt hija li issa l-Gvern se jkisser in-negozji. Dan jista’ jkun Gvern li tul dawn l-aħħar xhur kontinwament baqa’ wara n-negozji fl-iktar mumenti diffiċli, se jkun il-Gvern li se jagħmel xi ħaġa biex ma jkomplix jinċentiva lin-negozji? Aħna se naħdmu bil-kontra.”
Il-Prim Ministru qal li l-messaġġ tal-Gvern lin-negozji huwa li se jibqa’ jinċentivahom jagħmlu l-bidliet meħtieġa biex tissaħħaħ il-ġurisdizzjoni ta’ pajjiżna.
Qal, “Żgur mhux se jkun tisbit tas-saqajn min-naħa tagħna. Lanqas huwa xi messaġġ kif hemm min qed jipprova jgħid, li aħna qed nibagħtu l-messaġġ ta’ xejn mhu xejn jew li mhux se nagħtu każ. Dan mhu minnu xejn. Bl-istess impenn li għamilna quddiem il-Kummissjoni Ewropea meta ndirizzajna l-isfidi li poġġiet quddiemna l-Kummissjoni Venezja, hemmhekk il-Kummissjoni Ewropea spiċċat irrikonoxxiet il-bidliet kbar li għamilna, l-istess il-Kummissjoni Venezja, se nidħol għal dan l-impenn li minn din l-isfida noħolqu verament ċertifikat ta’ eċċellenza għal pajjiżna.”