Illum tintemm l-istennija!
Erbatax-il tim, żewġ rounds, sitta u għoxrin tmien il-ġimgħa ta logħob u 182 partita.
Illejla fis-Centenary Stadium jingħata bidu għall-Kampjonat BOV Premier 2023/24 bil-partita bejn Marsaxlokk u l-promossi Naxxar Lions.
Bħalma jiġri dejjem, matul is-sajf, it-timijiet kienu impenjati fis-suq ta’ trasferimenti b’akkwisti ta’ plejers Maltin kif ukoll barranin, bit-tama li kull skwadra tissaħħaħ bl-aħjar mod possibli.
It-timijiet ta’ Ħamrun Spartans, Birkirkara, Balzan u Gżira kellhom inqas ħin biex jagħmlu it-tibdil li kien hemm bżonn minħabba li kienu ippenjati fil-kompetizzjonijiet Ewropej, allura kellhom jippreparaw it-tim min ħafna qabel.
Iċ-champions Ħamrun, akkwistaw xejn inqas minn disa’ plejers dan l-istaġun filwaqt li għandhom kowċ ġdid, it-Taljan Luciano Zauri li huwa eks plejer internazzjonali Taljan.
Min-naħa tagħhom Birkirkara, li rebħu l-FA Trophy l-istaġun li għadda, ukoll kellhom sajf bieżel ħafna hekk kif akkwistaw 11-il plejer ġdid.
Min-naħa tagħhom it-timijiet ta’ Valletta u Hibernians, it-tnejn li huma kellhom kampanja qawwija ta’ akkwisti fejn akkwistaw xejn inqas minn 12-il plejer kull wieħed.
Evidenti wkoll l-entużjażmu fit-tim ta’ Floriana fejn wara l-ħatra tal-eks plejer ta’ Juventus, Mauro Camoranesi bħala kowċ. Fil-fatt, it-tim Furjaniż ilbierah ippreżenta it-tim għall-istaġun, bil-kowċ Taljan jgħid li l-ewwel impressjoni tiegħu tal-futbol Malti hi pożittiva ħafna.
Dan il-kampjonat huwa differenti minn snin ta’ qabel hekk kif fi tmiem dan l-istaġun se jiġu relegati erba’ timijiet u jitilgħu tnejn biss miċ-Challenge League.