Il-maġġoranza tal-Maltin huma kuntenti bl-istil ta’ ħajja li jgħixu, kif ukoll bis-sitwazzjoni finanzjara li jinsabu fiha u l-impjieg li jaħdmu fih.
Dan jirriżulta minn studju li għamlet il-Fondazzjoni għall-Ġid tas-Soċjetà u l-Università ta’ Malta flimkien mal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika bħala parti mill-proġett li jikkalkula l-indiċi tal-kwalità tal-ħajja.
Dan l-istudju jifforma parti minn riċerka li qed issir fuq medda ta’ tliet snin.
Dwar is-sodisfazzjoni ġenerali bil-ħajja u l-kuntentizza, l-istħarriġ sab li Malta tirrapporta sodisfazzjon ogħla mill-medja Ewropeja. L-isħarriġ wera kif il-ħaddiema Maltin għandhom tendenza li jirrappurtaw livell għoli ta’ sodisfazzjon ġenerali tal-ħajja minn dawk li huma qiegħda jew li ma jistgħux jaħdmu minħabba diżabilità.
L-istħarriġ juri wkoll li l-parti kbira tal-ħaddiema f’pajjiżna huma sodisfatti fuq xogħolhom, hekk kif taw punteġġ ta’ sebgħa punt ħamsa minn għaxar punti.
Il-Maltin imbagħad mhumiex daqshekk sodisfatti fil-mod kif jużaw il-ħin liberu tagħhom.
Waqt il-preżentazzjoni ta’ dan l-istudju li sar fil-Parlament, ir-Rettur tal-Univeristà ta’ Malta, il-Professur Alfred J. Vella qal li l-Università ta’ Malta qed tkompli tibni pont bejn l-akkademija u s-soċjeta permezz ta’ għadd ta’ proġetti fosthom dawn l-indiċi.
Iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni għall-Ġid tas-Soċjetà, il-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca qalet li dawn l-indiċi joffru gwida għal ħolqien ta’ qafas għat-tfassil ta’ politika li tgħin lin-nies.
L-Ispeaker tal-Parlament, Dr Anġlu Farrugia qal li strumenti bħal dawn l-indiċi għandhom jirriżulta f’leġiżlazzjoni u f’politika mfassla fuq l-aħħar għarfien xjentifiku.