Minn suldat fl-armata għal mudell.
Mariano Farrugia għadu kemm rebaħ it-tieni post fil-kategorija ‘mudelli’ fil-Miamo Pro European Championships f’Londra. Kiseb ukoll it-tielet post bħala ‘fitness model’ fil-kategorija tiegħu, u żewġ PRO cards, li se jippermettulu jikkompeti f’kompetizzjonijiet bi ħlas. Is-sodisfazzjon kien doppju, għaliex klijent ta’ Mariano, Steve Camilleri, kiseb it-tielet post bħala mudell u wkoll ingħata PRO card.
Kif ġrat din il-bidla fil-karriera?
Ta’ 18-il sena Mariano daħal fl-armata, f’sezzjoni li kienet tikkonsisti f’taħriġ kontinwu. L-importanza li tkun fl-aħjar forma fiżika kienet priorità f’din is-sezzjoni. Minn hemm, qal Mariano, kompla jsawwar fih l-importanza ta’ taħriġ f’ħajtu u r-riżultati li kien jikseb minn testijiet fiżiċi kienu jindikaw li kellu potenzjal kbir f’dak l-aspett. Beda jinteressa ruħu aktar fit-training u kull artiklu jew ktieb li beda jiġi għal idu kien jaqrah. Beda jattira lejh nies li wrew interess jagħmlu training miegħu, sempliċement għax bdew jarawh jagħmel progress.
“Mingħajr ma naf sibt ruħi bi klijentela li bdiet tikber, maż-żmien ftaħt fitness centre u bdejt naħdem fuq website tiegħi li għadni qed nibni s’issa”.
Is-sura fiżika tiegħu għenitu jidħol fid-dinja tal-moda. Id-dixxiplina tal-armata għenitu biex iħaddan rutina konsistenti, għalkemm jammetti li mhux faċli. Per eżempju, għal Mariano m’hemmx xorb fi tmiem il-ġimgħa u hemm ħin strett fi xħin iqum u jorqod.
Biex itejjeb is-sit elettroniku tiegħu, iddeċieda jiħdol f’kampjonati Ewropej. Dan il-filmat jixhed kemm qed issarraf id-dedikazzjoni tiegħu. Mariano jidher bin-numru 67 u Steve bin-numru 92.