B’daqqa ta’ pinna, Villa Bianca f’Birkirkara, se tinbidel f’ċentru ta’ mużika għal persuni b’abbiltajiet differenti, fl-ewwel proġett tax-xorta tiegħu.
Ftehim iffirmat bejn l-Aworità tad-Djar u I-Malta Trust Foundation fil-parapett tal-villa, se jwassal biex mill-Iskema għall-Persuni b’Diżabilità, l-Awtorità tad-Djar tagħti kważi sittin elf ewro.
Dan biex proprjetà li ngħatat lill-Malta Trust Foundation minn sidien privati, tinbidel f’ċentru li jilqa’ numru ta’ persuni b’abbiltajiet differenti fejn ikunu jistgħu jitgħallmu l-mużika f’ambjent sigur.
Dan huwa proġett ieħor ta’ housing speċjalizzat.
Waqt il-konferenza, il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes tenna li din hija turija oħra kif bini mitluq jintuża għal għanijiet soċjali.
Qal, “Il-politika soċjali tfisser ukoll anke l-kollaborazzjoni mal-għaqdiet huma aktar qrib anke mill-istat ta’ persuni li għandhom bżonn l-għajnuna, li għandhom diversi diffikultajiet. Madanakollu qed naraw anke proġett li qed nirriabilitaw dar li ma kelliex użu qabel.”
Intant, iċ-Chairperson tal-Malta Trust Foundation, il-President Emeritu Marie-Louis Coleiro Preca qalet illi l-fondazzjoni se tiffinanzja mitt elf ewro biex isir ix-xogħol fil-binja, u se toħroġ kwart ta’ miljun fis-sena għall-operat taċ-ċentru, b’kollaborazzjoni mal-komunità kummerċjali li tgħin lill-Fondazzjoni.
Spjega, “It-tfal u ż-żgħażagħ kollha b’abbiltajiet differenti Ii sal-lum ma kellhomx fejn imorru jitgħallmu jiżviluppaw it-talenti mużikali tagħhom, b’xejn, mingħajr ħlas, daċ-ċentru se jagħmel propju dan, jiġifieri ħa jimla dan l-ispazju li kien hawn f’pajjiżna.”
Dan iċ-ċentru se jibda jilqa’ l-istudenti minn Settembru li ġej, fejn se jingħataw lezzjonijiet b’xejn.