“Mitt suspett flimkien u ma sawrux prova waħda” – hekk irrimarka l-Maġistrat Aaron Bugeja fl-inkjesta dwar il-kumpanija Egrant fejn irriżulta li ma hemm ebda prova li l-bagalji li kien qiegħed iġorr sid il-Bank Pilatus Ali Sadr kellhom dokumenti li setgħu kellhom x’jaqsmu mal-każ Egrant– kif jixhdu l-filmati tas-sigurtà stess.
Ma rriżultaw ebda provi b’rabta mal-allegazzjonijiet li għamlet Daphne Caruana Galizia fejn fil-lejl tal-20 t’April allegat li sid il-bank Pilatus Ali Sadr klandestinament ħareġ b’żewġ bagalji tqal bi kwantita’ kbira ta’ dokumenti li kellhom x’jaqsmu mal-każ Egrant.
Dan ħareġ mill-Inkjesta Maġisterjali dwar il-kumpanija Egrant li kienet mitluba mill-Prim Ministru Joseph Muscat stess ħalli b’hekk ikunu stabbiliti l-fatti.
Minn filmati meħuda mill-kameras tas-sigurta jirriżulta li dakinhar li Caruana Galizia ħarġet l-istorja fuq Egrant, Ali Sadr kien ilu fil-bank Pilatus f’Ta’ Xbiex għal tmien siegħat u nofs sħaħ- jiġifieri minn qabel ma nħarġet l-istorja tal-blogger- fejn dan intlemaħ jidhol fil-bank għall-ħabta tas-siegħa neqsin kwart tal-Ħamis wara nofsinhar u ma ħariġx minn bieb il-barra sad-21:15pm.
L-inkjesta qalet li l-filmati urew lil Sadr jidħol fil-Boardroom madankollu ħalla l-bagalji warajh mal-ġenb fejn minnhom deher joħroġ tablet telefon ċellulari, karti kif ukoll xi stationary.
Mill-filmati tas-sigurta’ ħareġ li tul il-ħin kollu li Ali Sadr qatta’ ġol-bank f’Ta’ Xbiex, dehru diversi impjegati deħlin u ħerġin l-aktar fosthom Claude-Ann Sant Fournier.
Apparti l-imsemmija impjegata, mill-inkjesta irriżulta wkoll li kmieni l-Ħamis filgħaxija għall-ħabta tas-19:24pm deher jidħol ġol Bank ċertu Luis Felipe Rivera, fejn dan ħalla karta lil Ali Sadr li deher jitfagħha fil-ġenb u bil-kemm ta kasha madankollu,qabel ma ħareġ mill-Bank għall-ħabta tad-21:15pm, Sadr reġa daħħal ġol-bagalja t-tablet u l-karti li kien ħareġ qabel u kif ukoll dik il-karta li deher li tah Rivera, fejn wara dan għalaq kollox u ħareġ il-barra.
Fil-konklużjoni tiegħu, il-Maġistrat qal li minn dawn il-filmati ma ġietx pruvata l-allegazzjoni ta’ Caruana Galizia li Ali Sadr ħareġ b’mod klandestin kwantità kbira ta’ dokumenti li kellhom x’jaqsmu mal-allegazzjoni.