Waqt li għal ħafna kien iservi ta’ parkeġġ, issa se jiġi trasformat fi ġnien pubbliku. Bħalissa għaddejjin ix-xogħolijiet li għaddejjin fid-ditch tal-Belt Valletta, fejn se jsiru ħdax-il pjazza, u jinżergħu erbgħin siġra, biex jitgawdew mill-pubbliku inġenerali. Dan kollu b’investiment ta’ ħames miljun ewro.
Wara t-tlestija tal-proġett ta’ Pjazza Tritoni, beda jirranka sew ix-xogħol fil-foss taħt id-daħla tal-Belt.
Il-post li għal ħafna kien iservi biss ta’ parkeġġ, issa se jiġi ttrasformat fi ġnien pubbliku, bi ħdax-il pjazza żgħira, waħda differenti mill-oħra li se jirrakkonta l-istorja. Is-sit mhux se jkun nieqes mid-dell, hekk kif se jinżergħu erbgħin siġra indiġena matura, flimkien ma’ għadd kbir ta’ pjanti indiġeni oħrajn.
F’dawra mas-sit, innutajna li x-xogħol jinsab għaddej b’ritmu tajjeb wara li kien waqaf għal xi żmien sakemm tlesta l-proġrett fi Pjazza Tritoni. Il-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, Gino Cauchi, qal li l-proġett mistenni jiftaħ għall-pubbliku sal-ewwel ġimgħa ta’ Lulju.Cauchi qal kif “Dan huwa proġett ambizzjuz ieħor, li jikkomplimenta l-katina ta’ proġetti li l-GHRC ġiet fdata bihom biex timplimenta fid-daħla tal-Belt Valletta. Huwa proġett illi se jiġi jiswa ħames miljuni, u la darba jkun lest se jitgawda mill-poplu Malti u Għawdxi, u anke mit-turisti li jżuru l-kapitali tagħna, għax se jkun fih diversi features li jiġbdek lejh.”
Iċ-Chairman tal-Korporazzjoni Stefan Zrinzo Azzopardi qal li ta’ kuljum jidħlu l-Belt madwar erbgħin elf ruħ. Qal li l-parti tal-foss li tidher miż-żewġ naħat tad-dħul fil-belt qed tinbidel fi ġnien li se jkun aċċessibbli permezz ta’ lift.
Il-proġett se jkun mgħammar ukoll b’sistema kontra l-vandaliżmu, hekk kif se jiġu installati għadd kbir ta’ kameras tas-sigurtà.
Periti fuq il-post spjegaw kif f’kull pjazza, se titqiegħed għamara li tmur mal-ambjent storiku tal-post.
Qalu li s-swar se jitħallew fl-istat naturali tagħhom, u li l-ġebla li qed tintuża f’dan il-proġett hija l-ġebla tal-qawwi, li mistennija tagħti dehra isbaħ lill-inħawi. Dan waqt li l-art se tkun identika għall-madum li ntuża fil-proġett ta’ pjazza Tritoni, biex ikun hemm sens ta’ simetrija.
L-isfidi f’dan il-proġett kienu bosta minħabba li x-xogħol qed isir f’żona li l-infrastruttura tagħha tmur lura mijiet ta’ snin. F’waqt partikulari, instabu pajpijiet antiki, u anke xi ħofor taħt il-foss. Minħabba dawn is-sejbiet kellu jsir tibdil fil-pjani oriġinali.
Waqt li issa daqt titlesta l-bażi tal-proġett, imiss li jibdew xogħlijiet ta’ estetika, bħal tqegħid ta’ madum, tħawwil ta’ siġar u installazjoni ta’ bankijiet.
Il-proġett se jkun ikkumplimentat b’sistema ta’ dwalijiet li se joħorġu fid-deher il-ġmiel tas-swar li hija mdawra bihom il-kapitali Valletta.