Qalb ir-raba f’Ħal Safi, f’garaxx, iltqajna ma’ Owen Gomez Blanco li kien għaddej bit-taħriġ tiegħu tar-wrestling flimkien mal-kowċ tiegħu Ġanni Valletta u sħabu.
Sport li għalkemm imdorrijin narawh ferm fuq it-televiżjoni, ftit huma dawk li jafu li jiġi ttrenjat anki f’pajjiżna.
Skoprejna mill-qrib, x’jinvolvi dan l-isport.
Owen Gomez Blanco beda jiffissa fir-wrestling sa minn età żgħira meta kien qala’ xi mudelli tal-plastik tar-wrestlers favoriti tiegħu, bħala rigal, minn xi qraba Amerikani li żaru l-familja tiegħu.
Tkellimna ma’ Owen Gomez Blanco dwar l-impenn u d-determinazzjoni li għandu fl-arti tar-wrestling. Qalilna kif fl-2018 il-ħolma tiegħu saret realtà, wara li ltaqa’ għall-ewwel darba mar-wrestler professjonali fil-Ġappun Tajiri, li offrilu xogħol f’dan il-qasam fejn spiċċa mar għal xi xhur hemmhekk.
Qal, “Ġanni Valletta rnexxielu jitla’ l-Ġappun għal ħafna drabi. Għamel suċċess għalih innifsu u saqsejt lil Tajiri meta ġie lura s-sena l-oħra, jekk hemmx xi opportunità għaż-żgħażagħ bħali li jixtiequ jkomplu din il-linja tar-wrestling. Kellimtu u qalli iva. Irranġajt mal-kowċ tiegħi Ġanni Valletta u Tajiri u kont l-ewwel barrani li tlajt fil-25 ta’ Jannar mal-Kumpanija Kyushu Pro Wrestling.”
Fil-Ġappun, Owen huwa magħruf bħala l-Prinċep tal-Meditteran. Għall-ewwel kien jiġġieled ma’ wrestler ieħor imma wara beda anki jissielet f’ six men tags.
Qalilna li fil-Ġappun ir-wrestlers huma meqjusa bħala ċelebritajiet. Gomez Blanco qasam magħna dwar kif jara l-ġejjieni tiegħu.
Qal, “Jien nixtieq indur id-dinja. Il-ħolma tiegħi li jkolli suċċess fl-Amerika. Imma mhux faċli biex tirranġa fuq working visa. Il-Ġappun kont għal qalbi ħafna u nixtieq nerġa’ mmur ’il quddiem u forsi anki fuq kumpaniji oħra, forsi naqra ikbar. Forsi jkolli exposure mad-dinja kollha. Goal wieħed li mmur l-Amerika u jkolli suċċess hemmhekk.”
Staqsejnieh jekk jaħsibx li xi darba jkun jagħmel parti mill-kumpanija professjonali tar-wrestling, id-WWE.
Qal, “Kollox huwa possibli. Nipprova qiegħed. Naħdem ħafna għaliha. Imma mhux faċli speċjalment tkun minn Malta. Imma naħseb li jkolli mmur l-Amerika naħseb nagħmel marka tajba.”
Imma dak li mdorrijin naraw fuq ir-ring tar-wrestling huwa reali, falz jew inkella miftiehem minn qabel?
Qal, “Sfortunatament dan l-isport, in-nies ma juruhx ir-rispett li jistħoqqlu. Ir-ring jekk tħossu. Għandek il-ħadid, injam u layer ta’ padding. Jien nixtieq ngħid lil kulħadd li jgħidu li daqqiet mhux vera jew hekk, intuh body slam, imbagħad naraw l-għada kif iħossu… id-daqqiet kollha vera.