Minn Ottubru li ġej f’sitt ċentri tal-Gvern taċ-childcare, ser ikun qed jiġi estiż is-servizz.
Iċ-ċentri ser jiftħu mis-6 ta’ filgħodu flok fis-7:30 u flok jagħlqu fl-4:30 ta’ waranofsinhar ser jagħlqu fis-6 ta’ filgħaxija.
Is-Sibt ser jiftħu bejn is-6 ta’ filgħodu u s-1 ta’ waranofsinhar.
B’dawn it-tibdiliet ser tintlaqat faxxa ġdida ta’ familji.
Is-servizz ser ikun qed jingħata fiċ-ċentri tal-Birgu, Birkirkara, Naxxar, Pembroke, Ħaż-Żebbuġ u l-Qawra.
Skont kif imorru dawn l-estensjonijiet f’dawn iċ-ċentri imbagħad jibda jingħata s-servizz f’ċentri oħrajn.
Bħalissa fit-13-il ċentru tal-Gvern jgawdu mis-servizz taċ-childcare hemm 385 tifel u tifla bl-estensjonijiet mistennija jżidu d-domanda b’għoxrin fil-mija.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana spjegat li fl-aħħar ġranet ħareġ kuntratt għas-settur privat biex ikun hemm ir-riżors uman sabiex dawn is-servizzi jingħataw.
Hija spjegat kif din l-estensjoni tkompli turi kif dan huwa verament Gvern tan-nies u għan-nies li jisma’ għall-bżonnijiet li jkollhom il-familji.
Il-Ministru Caruana rrimarkat, “Is-servizz tac-childcare huwa servizz importanti ħafna li qed jaqdi tajjeb ħafna l-bżonnijiet tal-familji tagħna, imma rridu nkomplu naħdmu biex nindirizzaw iktar bżonnijiet, fosthom, iż-żidiet fil-ħinijiet, jiġifieri ċ-ċentri jibdew iktar kmieni, jispiċċaw iktar tard, kif ukoll l-introduzzjoni tas-servizz għall-ġurnata tas-Sibt, għaliex għandna ġenituri li jaħdmu s-Sibt ukoll.”