Il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea ma setgħux jilħqu ftehim bejniethom dwar l-impożizzjoni ta’ tariffi ogħla fuq karozzi tal-elettriku manifatturati ċ-Ċina wara li ttieħed vot li kien ikkaratteriżżat minn ħafna astensjonijiet.
Ir-riżultat ta’ dan il-vot ma kienx ippubblikat imma minn kummenti li ħarġu qabel hemm indikazzjoni li Franza, l-Italja u l-Olanda kienu favur, filwaqt li l-Ungerija kienet kontra. Qed jiġi rrappurtat li l-Ġermanja biddlet il-vot tagħha minn astensjoni għal kontra, fl-aħħar minuta.
Kienet għalhekk il-Kummissjoni, li għandha poteri esklussivi li tistabbilixxi l-politika kummerċjali tal-blokk, li kellha tassigura li d-dazji proposti jgħaddu. Din id-deċiżjoni ma kinitx sorpriża hekk kif il-Kummissjoni kienet uriet tħassib serju dwar l-użu estensiv ta’ sussidji li ċ-Ċina kienet tuża sabiex tippromwovi il-produtturi tagħha u tippermettilhom ibigħu l-karozzi elettriki tagħhom bi prezzijiet baxxi ħafna fi swieq internazzjonali.
It-tariffi miżjuda huma intenzjonati sabiex inaqqsu l-effetti tas-sussidji u jnaqqsu l-marġini bejn kumpaniji Ċiniżi u dawk tal-Unjoni Ewropea. Dawn it-tariffi ivarjaw skont id-ditta u l-kooperazzjoni tagħhom mal-investigazzjoni tal-Kummissjoni.
Dawn it-tariffi jidħlu fis-seħħ f’Novembru u se jinġabru mill-uffiċjali tad-dwana. It-tariffi li jvarjaw min 7.8% sa 35.3% se jkunu miżjuda mat-tariffa eżistenti ta’ 10% li jfisser li ċertu manifatturi Ċiniżi se jkunu milquta b’tariffi ta’ aktar minn 45% meta se jippruvaw jesportaw lejn l-Unjoni Ewropea.