Mit-Tnejn li ġej, dsatax ta’ Lulju, Maltin, Għawdxin u barranin li jgħixu Malta, li għadhom ma ħadux il-vaċċin u jixtiequ jitlaqqmu kontra l-COVID-19, jistgħu jagħmlu dan mingħajr appuntament.
F’Malta jistgħu jmorru jitlaqqmu l-Università mit-Tnejn sas-Sibt u f’Għawdex l-Aurora mit-Tnejn sal-Ġimgħa. Il-ħinijiet huma bejn it-tmienja u nofs ta’ filgħodu u t-tlieta ta’ waranofsinhar.
Min-nhar it-Tnejn ukoll, se tibda ddur madwar Malta klinika mobbli li se tieqaf f’diversi lokalitajiet skont skeda li se tiġi ppubblikata fil-jiem li ġejjin.
Nhar it-Tnejn se tkun il-Mosta, l-Erbgħa ż-Żejtun u l-Ġimgħa San Ġiljan.
Il-koordinatur tal-programm tat-tilqim, Steve Agius, spjega li dan kollu qed isir biex l-għoti tal-vaċċin ikun dejjem iżjed aċċessibbli.
Qal, “Wara li lħaqna erbgħa u tmenin fil-mija tal-adult population, issa l-iskop tagħna huwa li nagħmluha aktar aċċessibbli għal dawk li jew kienu xettiċi li jieħdu l-vaċċin jew inkella sabuha diffiċli jiġu fiċ-ċentri tagħna allura ħa jkollna numru ta’ mobile units li ħa jduru madwar Malta, fi bliet u rħula differenti, u biha ħa nagħmluha aktar sempliċi għal dawn in-nies biex jieħdu l-vaccine.”
Kull min se jagħmel użu minn dan is-servizz għandu jieħu miegħu karta tal-identità, u tfal ta’ taħt is-sittax-il sena għandhom ikunu akkumpanjati minn ġenitur li jista’ jagħti kunsens għat-tilqima.
Spjega, “Għall-barranin li jgħixu f’Malta wkoll nixtiequ nagħmluha aktar sempliċi allura kull ma jridu jieħdu għal dawk li m’għandhomx l-ID Card jew ir-Residence Card lesta, jistgħu jieħdu proof li jgħixu Malta bħal per eżempju l-kont tad-dawl, u biha nkunu nistgħu wkoll nagħtuhom il-vaċċin.”
L-appell jibqa’ biex kulħadd jitlaqqam ħalli nipproteġu lil xulxin.
Qal, “Disgħin fil-mija ta’ dawk li qed ikunu pożittivi għall-COVID ma ħadux il-vaċċin allura importanti naħseb li kulħadd jieħu l-vaċċin ħalli n-numri jibdew jonqsu.”