Dawk kollha li jbatu bid-dijabete tat-Tip 1 minn nhar it-Tnejn se jkunu jistgħu jibdew jibbenefikaw minn erba’ sticks kuljum biex jiċċekkjaw iz-zokkor b’xejn irrispettivament mill-età.
Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li din l-inizjattiva li kienet imħabbra wkoll fil-budget, hija parti mill-politika nazzjonali għad-dijabete li tnediet s-sena li għaddiet.
Bħala parti minn dan il-pjan, diġà daħħlu fuq il-formularju tal-gvern mediċini ġodda għad-dijabete, il-Gliptins u Repaglanide. Dan il-gvern ukoll, is-sena li għaddiet ta sticks b’xejn lit-tfal kollha bid-dijabete tat-Tip 1. Miżura li minn nhar it-Tnejn se tkun estiża għal dawk kollha li għandhom id-dijabete tat-Tip 1 li b’kollox se jkunu intitolati għall-erba’ sticks biex jiċċekkjaw iz-zokkor b’xejn kuljum.
Matul is-sena li ġejja din il-miżura se tibqa’ tkun estiża anke għal dawk li għandhom dijabete tat-Tip 2 u qegħdin fuq l-insulina.