Minn nhar it-Tnejn li ġej mid-disa’ ta’ filgħodu se jsir tibdil fid-direzzjoni tat-traffiku fil-Kirkop Tunnels and Airport Intersection Project sabiex titkompla l-aħħar fażi tal-proġett.
Dan tħabbar minn Infrastructure Malta fi preżentazzjoni li ta’ wieħed mill-Periti tal-proġett, Anton Zammit.
It-tibdil huwa kif ġej:
- Dawk li minn Vjal il-Gudja jridu jmorru lejn l-irħula hekk imsejħa ta’ wara l-mina (Żurrieq, Ħal Kirkop, Imqabba, Qrendi, Ħal Safi) se jibqgħu għaddejjin dirett lejn il-Kirkop Tunnels;
- Dawk li minn Ħal Luqa jridu jmorru lejn Birżebbuġa u l-ajruport se jgħaddu mill-underpass li matul dan tmiem il-ġimgħa se jingħatalha l-ewwel saff ta’ asfalt biex tkun tista’ tilqa’ t-traffiku. Din id-direzzjoni hija l-istess ukoll għal dawk li minn Vjal il-Gudja jridu jmorru lejn Birżebbuġa u l-ajruport.
- Dawk li jridu joħorġu minn Birżebbuġa u l-ajruport direzzjoni lejn Ħal Luqa se jduru direzzjoni Ħal Kirkop, iduru mar-roundabout u jerġa’ lura lejn Ħal Luqa. Din id-devjazzjoni hija waħda temporanja sakemm jitlesta x-xogħol fuq l-underpass.
Minn nhar it-Tnejn stess se jitkompla x-xogħol fuq l-underpass (in-naħa li mhux se tkun miftuħa għat-traffiku), kif ukoll issir ir-roundabout ta’ quddiem l-ajruport, iżda iżgħar minn dik li kien hemm qabel. Dan ix-xogħol mistenni jkun lest bejn l-aħħar tas-sena u l-bidu tad-dieħla.
Sadanittant se jitkompla x-xogħol fuq il-flyover, li llum beda jingħata l-konkos fuq il-parti tal-istruttura tal-ħadid.
Ix-xogħol fuq dan il-proġett huwa diġà aktar minn 80 fil-mija lest. Waqt il-preżentazzjoni ġie spjegat kif ix-xogħol baqa’ għaddej minkejja li kellhom isiru xi tibdil minħabba sejbiet arkeoloġiċi.