Minkejja l-isfidi li ġġib magħha l-industrija lokali tal-films, id-direttur u l-producer tal-films Malti Mark Doneo ma jaqtax qalbu milli jkompli jwassal fis-swali taċ-ċinema ta’ pajjiżna films bil-Malti. Bħal fil-każ tal-film ġdid tiegħu, ‘Hemm Dar fil-Qala’, film ġdid maħdum kompletament minn crew u atturi Maltin.
Il-film huwa mnebbaħ minn storja fittizja ta’ crew televiżiv li jmur f’dar fir-raħal kwiet tal-Qala sabiex jiddokumenta l-misteru ta’ dar abbundanata li għad għandha rabta ma’ familja li kienet tgħix fiha.
Il-film il-ġdid tal-produttur Mark Doneo jirnexxielu jorbot il-misteru wara din id-dar mal-istorja tal-crew televiżiv. Doneo spjega ma’ ONE News kif filwaqt li huwa film huwa tal-biża’ fl-istess waqt assigurana li mhux film makabru.
Doneo stqarr li “Fil-verità ma fihx dmija u mostri, storja tajba… Hemm dar għandha problema d-dar, fuq nies li kienu jgħixu qabel, u jien hekk trabbejt, trabbejt nixtri l-kotba ‘Ghost Stories’ ma kontx nixtri… Anke films ma kontx nara ‘Saw’. Mhux għax ‘Saw’ ħażin ta’ u għandu l-udjenza tiegħu imma jiena nħobb storja tajba ta’ familja u forsi jkun hemm xi misteru xi ssolvi”.
Il-film intwera diġà waqt festival tal-films tal-biża’ f’San Paulo fil-Brażil. Doneo spjega kif filwaqt li l-film huwa bil-Malti, fil-Brażil din ma żammitx lil udjenza milli jidħlu fl-istorja.
“Illum bin-Netflix u bil-Facebook, kollox bis-subtitles, illum imdorrijjin, la ħa jkun hemm is-subtitles xorta, mhux għalhekk ta r-raġuni imma għandi raġuni oħra. Jiena l-Malti nħobbu, sakemm immut nibqa’ nagħmel films bil-Malti sakemm ikolli saħħa”, sostna Doneo.
Mark Doneo huwa magħruf għall-produzzjonijiet ċinematografiċi oħrajn bħal Silhouette. Isostni li l-ikbar sfida tibqa’ l-finanzjament tal-films.
“ ‘Silhouette’ għal qalbi wkoll, apparti li kien l-ewwel film tiegħi, jibqa’ għal qalbi għal dejjem imma ‘Silhouette’ għamiltu għal udjenza partikolari, m’għamiltux għalija. Dan għamiltu għalija. Dan ridt nagħmlu, konna lucky li akkwistajna l-fondi mill-Malta Film Fund għax kieku ma tagħmlux. Ma tagħmlux almenu tajjeb bħal, daqskemm għamilnieh ‘technically’. Allura stajt għamilt xi ħaġa li vera ridt nagħmel,” temm jgħid Doneo.
Il-film se jintwera għall-ewwel darba għall-pubbliku fiċ-ċinema l-Ġimgħa 20 ta’ Settembru.