Il-Prim Ministru Robert Abela flimkien mal-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi, inawguraw il-proġett ta’ Wied Fulija fiż-Żurrieq.
Dan il-proġett bi spiża ta’ erba’ miljuni u nofs kien jinkludi rijabilitazzjoni ta’ spazju b’tali mod li reġa’ lura għall-istat naturali tiegħu.
Waqt l-inawgurazzjoni l-Prim Ministru spjega li dan il-post li kien miżbla, issa sar post li minnu ser igawdu l-familji Maltin u Għawdxin.
Post fejn kienu ntremew madwar żewġ biljun kilogramma ta’ skart, illum huwa wieħed mill-isbaħ pajsaġġi li għandna f’pajjiżna.
Il-Prim Ministru spjega li f’pajjiżna qed indaħħlu kunċetti u skemi ġodda li ma konnix rajnihom qabel u li jikkumplimentaw diversi inċentivi oħra fosthom l-ammont ta’ siġar li qed jitħawlu.
Huwa b’dan il-mod li nistgħu, Dr Abela nnota, li pajjiżna ser jimxi ‘l bogħod minn sistemi tradizzjonali u b’hekk nimxu lejn sistemi innovattivi biex filwaqt li ngawdu Malta aħjar illum, inlestu Malta aqwa għal għada.
Il-Prim Ministru sostna li proġetti ta’ dan it-tip ma kinux jaraw id-dawl li kieku ma saħħaħniex l-ekonomija ta’ pajjiżna.
Min-naħa tiegħu l-Ministru għall-Ambjent sostna li t-tfal tagħna ser ikollhom l-opportunità jesperjenzaw spazju miftuħ illi se jilqa’ ħafna Maltin u Għawdxin.
Il-Ministru spjega li dan mhuwiex l-unika tax-xorta tiegħu u stqarr li dan il-proġett f’Wied Fulija se jsegwih il-proġett tal-Qortin f’Għawdex u dak tal-impjant ta’ Sant’ Antnin.
Ġie rrimarkat li f’dan il-proġett tħawlu 43,000 siġra u arbuxell.
Fl-indirizz tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi spjega li minn ġerħa ambjentali, qed jingħata spazju miftuħ li se jwassal għall-kwalità ta’ ħajja aħjar.
Is-Segretarju Parlamentari qal li ‘l fuq minn tliet miljun ewro li ġew investiti f’dan il-proġett ġew minn fondi Ewropej.