Minn mindu Malta daħlet f’din is-sitwazzjoni ta’ pandemija naqsu d-donazzjonijiet.
Stqarret dan l-amministrazzjoni tal-Fondazzjoni Arka f’Għajnsielem Għawdex.
Intant, minħabba parir mill-Awtoritajiet tas-Saħħa Maltin, il-Fondazzjoni Arka kellha tieħu l-prekawzzjonijiet meħtieġa minħabba din is-sitwazzjoni ta’ pandemija ta’ Coronavirus.
Il-ħaddiema f’Dar Arka u Dar il-Ġublew tal-Ħniena daħlu f’lock down fuq perjodu ta’ sitt ġimgħat.
Il-lock down f’Dar Arka se jsir b’żewġ gruppi ta’ ħaddiema b’sebgħa kull grupp. Min-naħa l-oħra f’Dar il-Ġublew tal-Ħniena li hu appartament għal persuni b’diżabilità biex jgħixu ħajja indipendenti, il-lock-down sar billi ħaddiema waħda qed tgħix magħhom għal perjodu ta’ 15-il ġurnata.
Lil kull ħaddiem li qed jidħol f’lock-down sarlu swab test. Filwaqt li l-ikel qed isir fil-kċina tal-istess dar.
Il-Fondazzjoni Arka appellat lil kull min jista’ sabiex jagħti l-għajnuna tiegħu lil din id-dar.