Minn Marzu li ġej kważi mitt familja se jingħatalhom iċ-ċwievet biex jidħlu f’wieħed mill-postijiet tal-akkomodazzjoni li jinsabu f’Birkirkara, Ħ’Attard u Ħal Kirkop.
Dan hekk kif tlestiet l-aħħar fażi fuq il-proġetti tal-akkomodazzjoni soċjali li jinsabu f’dawn it-tliet lokalitajiet biex issa qed jitlestew l-aħħar irtokki biex dawn l-appartamenti ikunu djar ta disgħa u disgħin familja.
B’kollox fis-sit tal-akkomodazzjoni soċjali f’Birkirkara se jidħlu tlieta u sebgħin familja, filwaqt li fis-siti ta’ Ħal Kirkop u Ħ’Attard se jidħlu tmintax u tmien familji rispettivament
Dawn l-appartamenti mhux se jkunu għall-bejgħ u fl-ebda mument ma jistgħu jinxtraw, filwaqt li l-kirja soċjali se tinħadem skont id-dħul tal-inkwilini.
Dawn it-tliet siti huma parti mill-ikbar proġett ta’ housing f’pajjiżna fl-aħħar erbgħin sena, b’investiment ta’ mija u għaxar miljun ewro.
Waqt żjara li għamel dan l-istazzjon fuq is-sit ta’ akkomodazzjoni li jinsab f’Birkirkara, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar, Leonid McKay stqarr li dan il-progress li qed isir f’dawn it-tliet siti ta’ akkomodazzjoni soċjali ġodda jawgura tajjeb sabiex tkompli tonqos il-lista ta’ stennija li kienet problema għal numru kbir ta’ snin.
“B’modi differenti nindirizzaw il-waiting list, fosthom li nibnu stock ġdid ta’ akkomodazzjoni soċjali li għal dawn l-aħħar snin kienet xi ħaġa nieqsa. Sodisfatti li qed naraw li fil-ġimgħat li ġejin se jibdew deħlin il-persuni li diġà ġew allokati dawn il-postijet fejn bħalissa għaddej il-proċess ta’ familjarizzazzjoni u f’Marzu se jkun hemm l-ewwel nies li jidħlu fl-ewwel blokok tagħna f’Birkirkara, Ħal Kirkop u Ħ’Attard.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar fakkar li dawn il-binjiet ġodda ta’ housing soċjali huma binjiet maħsub fid-dettall u li jippreservaw iż-żoni tal-madwar.
Binjiet li fi kliemu jaħsbu għal bżonnijiet tal-preżent u jaqdu anki l-ħtiġijiet tal-futur.
“Minbarra x-xogħol li kien qed isir fuq il-ġebla, kellna proġetti oħra għaddejjin, li nagħmlu assessjar, dak li aħna nsejħulu profiling ta’ kull applikant, biex nifhmu l-bżonnijiet tan-nies u għalhekk stajna nibnu skont il-bżonn li kellhom il-persuni.”