- INTERVENT RARI BEDA JSIR F’PAJJIŻNA
- FIL-PRONT U B’INQAS SKARIĠĠ GĦAX SAR L-INVESTIMENT
Investiment li sar fl-aħħar xhur fl-Isptar Mater Dei u l-ħiliet mill-aqwa tal-konsulenti f’dan l-isptar waslu biex mara mill-Fgura ngħatat il-ħajja mill-ġdid.
Fi Frar li għadda, Josephine Camilleri, flimkien ma’ żewġha, marru l-Emerġenza ta’ Mater Dei minħabba li Josephine kellha uġigħ kbir f’rasha. “Ma stajtx nissaporti, qatt ma ħassejt dak l-uġigħ qabel. Uġigħ agħar minn tal-ħlas, bdejt inwerżaq bl-uġigħ,” qalet il-mara li l-mod kif tkellmet dwar dak li għaddiet minnu wera li ma kienx faċli.
Wara li sarilha CtScan sar magħruf li kellha emorraġija f’rasha, inqatgħatilha vina minn rasha, kif inhi aktar magħrufa. “Ġie t-tabib u kellimna dwar il-kundizzjoni tal-mara, qalilna li jista’ jagħmel l-intervent dak il-ħin, iżda li hi proċedura riskjuża, min-naħa l-oħra jekk ma jsir xejn, hemm possibbiltà kbira li tmut,” qal Camilleri dwar wieħed mill-agħar mument ta’ ħajtu.
Kienet il-pazjenta stess li ffirmat biex l-intervent ikun jista’ jsir.
F’kummenti li ta lill-gazzetta Kullħadd, il-konsulent u Neuro Radiologist, Dr Reuben Grech iddeskriva l-intervent li sar fuq is-Josephine Camilleri bħala wieħed ta’ suċċess kbir. “Dan kollu ma kienx ikun possibbli mingħajr l-investiment li sar fl-aħħar snin fil-Bi-plane Angio Suite. Kien proprju f’din il-magna li għamilna dan l-intervent,” qal Grech.
Il-konsulent Grech spjega li sas-sena l-oħra, każijiet bħal ta’ Josephine Camilleri kienu jintbagħtu Londra. “Ovvjament apparti li l-intervent idum aktar ma jsir, kien hemm ukoll element ta’ loġistika, fejn fosthom ħafna pazjenti kien ikollhom jiġu trasferiti bl-air ambulance,” spjega Dr Grech.
Josephine Camilleri hija waħda mill-ftit pazjenti li s’issa sarilhom dan l-intervent f’pajjiżna. Fil-fatt minn meta sar possibbli li l-anurysem coiling isir f’pajjiżna mill-ewwel ta’ Jannar ta’ din is-sena saru b’kollox ħamsa.
“Qalulha li perikoluża. Perikoluża ħafna. Tista’ tibqa’ hawn u tista’ tmur għand il-Bambin,” irrakkonta żewġha.
“Erba’ sigħat damet l-operazzjoni,” kompliet tirrakkonta l-mara bir-raġel jitkellem dwar kemm fl-isptar ħassewhom siguri bil-mod kif kienu qed jaġixxu l-professjonisti. “Mis-siegħa u nofs sal-ħamsa u nofs. Erba’ sigħat bl-eżatt. Kien jaf sew x’qed jgħid u kemm se jdum,” qal ir-raġel bil-mara żżid “tajbin, tajbin.”
F’kummenti li ta l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li huwa kburi bit-tim ta’ professjonisti dedikati li jaħdmu fl-isptar tagħna. “Bil-ħila u l-kapaċitajiet ta’ dawn il-professjonisti, illum nistgħu nirrakontaw stejjer bħal tas-Sinjura Camilleri,” qal il-Ministru Fearne.
Huwa saħaq ukoll fuq l-importanza fl-investiment. “Ma bżajniex ninvestu, illum fid-Dipartiment tal-Medical Imaging biss, fejn saret din l-operazzjoni mhux biss għandna l-Bi-plane Angio Suite, iżda wkoll MRI ġdida, Cardiac MRI, u CT scanner. Dawn kollha swew il-miljuni, iżda fissru wkoll ħajja ġdida u anqas skariġġ għall-pazjenti li kien ikollhom jingħataw trattamenti barra l-pajjiż,” qal il-Ministru Fearne.
Il-Bi-plane Angio Suite, li ġiet inawgurata f’Ġunju li għadda huwa investiment ta’ €1.9 miljun ewro. Fl-2016 biss fid-Dipartiment tal-Medical Imaging sar investiment ta’ €4 miljun. “Dawn l-investimenti ħallew il-frott mixtieq, sal-lum eżempju saru 712 Cardiac CT, filwaqt li saru 325 Cardiac MRI. Intervent kirurġiku ieħor li beda jsir f’pajjiżna dawn l-aħħar sentejn u nofs huwa t-Transjugular intrahepatic partosyntehtic shunt, TIPS, fil-qasir. Din huwa intervent delikat ħafna fil-fwied, u l-pazjenti qabel konna nibagħtuhom l-Italja biex isir. S’issa kien hawn sitt pazjenti li dan l-intervent sarilhom f’pajjiżna,” qal il-Ministru Fearne.
Dr Reuben Grech tkellem ukoll dwar intervent ieħor li qiegħed isir f’Mater Dei fuq persuni li jkunu għadhom kemm sofrew stroke.
L-istroke jew kif inhi magħrufa f’termini mediċi, cerebrovascular accident, hija kundizzjoni li taħsad il-ħajja ta’ diversi persuni f’pajjiżna. Permezz ta’ din it-teknoloġija ġdida, in-Neuro Radilogists jistgħu jaċċessaw il-clot mill-arterja u jiġbudha waqt li l-pazjent ikun taħt il-loppju. Minn meta beda jkun provdut dan l-intervent f’pajjiżna, li jista’ jsir biss jekk pazjent jintlaħaq fl-ewwel ftit sigħat minn meta jagħtih stroke, saru 40.
Intant Josephine qalet li tħoss li fi Frar li għadda sar miraklu fuqha. “Jien dħalt b’uġigħ kbir ma kontx naf x’kien qed jiġri madwari u wara ħmistax l-isptar ħriġt nimxi fuq saqajja. Qatt ma nista’ nirringrazzja biżżejjed lit-tobba u lill-infermiera u dawk kollha li permezz tagħhom din l-operazzjoni setgħet issir,” qalet Josephine li fissret kif għamlet madwar 15-il jum l-isptar.
“Il-Bambin riedni ngawdiha aktar,” qal Camilleri filwaqt li għannaq lil martu.