L-organizazzjoni fi ħdan il-Partit Laburista mwaqqfa snin ilu, LGBTI Labour, għaddiet minn proċess ta’ tiġdid intern biex illum din saret tissejjaħ Equality Labour. L-organizazzjoni se tkun qed titmexxa minn Clayton Cutajar.
Minkejja t-tibdil fl-istrutturi tal-organizazzjoni, il-prinċipji li jiggwidaw u jixprunaw din is-sezzjoni fil-Partit Laburista għadhom l-istess, il-prinċipji tal-ugwaljanza, għal soċjetà li fiha int tkun int.
“L-għan ta’ din l-organizazzjoni hija li tkompli taħdem u tkun id-driving force wara l-Partit Laburista sabiex jibqa’ jbiddel u jipprogressa ‘l quddiem sabiex kull wieħed u waħda minnha f’pajjiżna ma jkunx imxekkel milli jimxi ‘l quddiem abbażi tal-orjentazzjoni sesswali jew tal-ġeneru tiegħu. L-organizazzjoni se tisħaq sabiex is-soċjetà tiffoka fuq il-ħiliet u l-kapaċijiet tal-persuni, fejn bl-għajnuna meħtieġa kulħadd ikollu opportunitajiet indaqs,” stqarr Clayton Cutajar.
Equality Labour trid tinnota mhux biss id-dħul tal-liġi tal-Ugwaljanza li kompliet tpoġġi lill-pajjiżna ‘l fuq f’dawk li huma drittijiet ċivili fid-dinja kollha, bi Gvern Laburista mmexxi mill-Prim Ministru Joseph Muscat ikompli jikteb l-istorja iżda anke bit-tnedija tal-pjan ambizzjuż LEAD li se jitmexxa mill-MEP Miriam Dalli li għandu l-għan aħħari li sal-elezzjoni ġenerali tal-2027, il-Partit Laburista jkollu 50% tal-kandidati kollha li jressaq, nisa.
Equality Labour se tkun qed taħdem bla heda sabiex is-soċjetà Maltija tkompli tiżviluppa bħala soċjetà miftuħa u fejn fiha kull persuna tkun trattata ndaqs mingħajr distinzjoni abbażi ta’ xi karatteristika jew oħra.