Is-Sibt 25 t’April tal-2015. Erba’ minuti qabel nofsinhar.
Terremot b’qawwa ta’ 7.8 fuq l-iskala Richter, meqjus l-agħar wieħed fl-aħħar 80 sena, heżżeż lin-Nepal.
39 reġjun intlaqtu, u binjiet fosthom fil-kapitali Kathmandu ġġarrfu – bl-imwiet jaqbżu t-8,000 persuna.
Aktar minn 20,000 indarbu, u mat-800,000 dar nqerdu għal kollox.
U bħallikieku t-terremot u l-aftershocks ma kinux biżżejjed, 17 –il ġurnata wara, il-kapitali u l-madwar esperjenzaw terremot ieħor – din id-darba b’qawwa ta’ 7.3.
Għaddew sentejn, u n-Nepal – nazzjon ta’ 28 miljun ruħ u wieħed fost l-aktar pajjiżi foqra fid-dinja, għadu qed ibati r-riperkussjonijiet – speċjalment fejn jidħol turiżmu.
Żjara fin-Nepal ġranet qabel it-tieni anniversarju minn dik deskritta bħala waħda mill-agħar traġedji li qatt esperjenza l-pajjiż, kienet iddominata mis-sentiment ta’ biżà.
Mal-ewwel daqqa t’għajn hekk kif tirfes fil-pajjiż, jinħass sens ta’ ġenn u kaos fost in-nies.
Xi ħaġa li fi bliet f’pajjiżi Ażjatiċi hija komuni, iżda d-differenza kienet is-sens t’inċertezza fost ir-residenti.
In-Nepal minn dejjem kien pajjiż fqir, iżda minn dakinhar li seħħ it-terremot, iżda l-iskarsezza u l-qoħta żdiedu b’mod konsiderevoli.
Ħafna min-nies għadhom qed jippruvaw jirkupraw mit-trawma li ġarrbu fid-diżastru.
Aktar minn nofs miljun resident għadhom qed jgħixu f’tined temporanji jew fi djar bla saqaf.
Il-Gvern tal-pajjiż qed jaffaċċja kritika ma taqta xejn għall-mod kajman li bih qed jgħin lill-vittmi tat-terremot.
Ritratti drammatiċi li ħadna fuq il-post juru d-diżastru li għad hemm f’żoni diversi fil-qalba tal-epiċentru fejn seħħ it-terremot. Uħud minnhom postijiet popolari ferm mat-turisti; binjiet storiċi li sentejn wara għadhom ma nbnewx.
Is-sentiment ta’ biżà ma jinħassx biss fost ir-residenti foqra, iżda anki fost negozjanti.
Fl-ewwel lejl f’Kathmandu għamlet xita kbira. Konna fuq l-ogħla sular tal-lukanda fiċ-ċentru ta’ Thamel f’Kathmandu, meta tant qam riħ qawwi li fuq il-bejt bdew jiċċaqalqu l-affarijiet, jitkisru l-pjanti, u jinqalgħu l-ħwejjeġ li kienu minxura mal-ħbula.
Dan ma kien xejn għajr lejl ta’ xita u maltemp, iżda tant kemm in-nies fin-Nepal saret tistenna l-agħar, li l-ħaddiema tal-lukanda bdew iniżżlu lit-turisti għall-kenn u jiċċekjaw x’qed jiġri onlajn biex jaraw jekk hemmx xi sinjal ta’ terremot.
Tkellimna mal-manager tal-lukanda li konna qed noqgħodu fiha.
“Wara t-terremot fl-2015, ma tistax ma tibżax li jerġa’ jiġri l-istess. Niftakar x’ġara dakinhar ċar kristall. Id-dinja bdiet tiċċaqlaq u ma waqfitx għal minuta sħiħa. Ma kienx hemm post sigur fejn wieħed seta’ jistkenn. Kont fil-lukanda u rajna l-binjiet jaqgħu wieħed wieħed. Ħriġna t-turisti mil-lukanda kemm jista’ jkun malajr u ppruvajna ngħinuhom kif stajna għax fortunatament il-lukanda tagħna kienet waħda fost il-ftit li ma ġġarrfux kompletament. Ppruvajt nagħmel kuntatt mal-familja tiegħi. Ppruvajt inċempel imma lanqas linja ma kien hawn. Mort id-dar iżda ma sibthiex. La sibt id-dar u lanqas lil familti. Rajt biss tifrik u nies mejta fostu. Ħafna ndifnu ħajjin qalb it-tifrik.”
Mixja fit-toroq ta’ Kathmandu tatna togħma tal-ħajja li jgħixu n-Nepaliżi.
Kamra żgħira tesa’ mal-erba’ jew ħames persuni. Normalment tkun bla madum, mingħajr faċilitajiet sanitarji u bla dawl. Kamra li normalment tfisser dar għal familja sħiħa.
Il-maġġoranza tal-poplu Nepaliż m’għandux mezzi biex jilħaq il-bżonnijiet bażiċi ta’ kuljum; bħall-ikel, ilbies u kenn.
It-turiżmu fiċ-ċentru tan-Nepal qatt ma kien b’saħħtu meta mqabbel ma’ pajjiżi oħra, speċjalment għax il-maġġoranza ta’ dawk li jżuru l-pajjiż imorru għall-muntanji u attivitajiet bħal trekking u paragliding.
Iżda minn wara t-terremot, kompla jaqbad it-triq tan-niżla, kif stqarr il-manager tal-lukanda li tkellimna miegħu.
“In-nies għadhom qed jibżgħu jiġu n-Nepal minħabba t-terremot tal-2015. Sentejn wara s-sitwazzjoni hi ftit aħjar, imma xorta għandna ħafna ġuħ għat-turisti.”
Iżda b’dan kollu fl-isfond, kien hemm xi ħaġa li spikkat aktar mit-tifrik u l-ħerba. It-tbissima fuq fomm it-tfal, u s-simpatija u l-affezzjoni tan-Nepaliżi lejn it-turisti.
F’għaxart’ijiem esperjenza fil-qalba tan-Nepal, ma rajtx tifla jew tifel wieħed jibku jew jiġġieldu bjeniethom.
Tfal kuntenti jaqbżu u jifirħu; jilgħabu bil-gremxul u b’dak li jsibu mal-art. Affarijiet li aħna l-Maltin lanqas noħolmu li nagħmlu iżda li għalihom dawn ifissru d-dinja.
Affarijiet li jġiegħluk tirrifletti u tapprezza l-ħajja, u l-kuntentizza li tista’ ġġib magħha s-sempliċità.