Ġie introdott is-servizz ta’ Youth Help, sabiex ikun ta’ għajnuna lil persuni li jsibu ruħhom f’diffikultajiet f’mumenti vulnerabbli.
‘Din hija wegħda fil-manifest elettorali li ġiet mwettqa wkoll’ stqarr is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport Chris Agius, waqt li kien fil-Youth Village ta’ Santa Venera, li serva ta’ sfond għal tmiem il-proġett pilota Third Space.
Faħħar ix-xogħol li sar mill-Youth Workers u saħaq li dawn huma meħtieġa speċjalment f’ċerti nħawi ta’ pajjiżna, anke jekk kull parti jkollha l-bżonnijiet tagħha.
Third Space huwa proġett ta’ Erasmus+ fuq 18-il xahar, li nħadem b’kollaborazzjoni bejn Aġenzija Żgħażagħ u entitajiet fl-Ingilterra, l-Olanda u r-Rumanija.
Il-mistieden ewlieni ta’ din l-attivita kien Dr. Brian Belton mill-YMCA George Williams College ta’ Londra.
Osserva li Malta tiffaċċja sfidi differenti minn dawk ta’ pajjiżi oħra għaliex iż-żgħażagħ tagħna ma jfittxux il-Youth Workers huma, imma l-Youth Workers iridu jmorru huma jfittxu ż-żgħażagħ.
Huwa faħħar il-Gvern li, għad-differenza ta’ gvernijiet oħra, qed jagħraf il-potenzjal ta’ attivitajiet simili u jagħtihom l-importanza xierqa.