Tul il-lejl ta’ Notte Bianca 2016, li ser issir nhar is-Sibt l-1 ta’ Ottubru, tista’ żżur il-Kamra tad-Deputati tal-Parlament, bejn is-sitta ta’ waranofsinhar u nofsillejl. Dawn iż-żjarat ser ikunu organizzati bi gwidi li ser jagħtu tagħrif dwar l-għanijiet ta’ din l-istituzzjoni importanti ta’ Malta, il-proċedura parlamentari, ix-xogħol tal-Kumitati tal-Kamra, u ħidmiet oħra tal-Parlament.
Science in the House
Matul din l-edizzjoni ta’ Notte Bianca, dawk kollha li jkunu qed iżuru l-bini tal-Parlament ta’ Malta jistgħu anke jżuru l-wirja ‘Science in the House’ li tifforma parti minn attività annwali akbar imsejħa Science Week in the City 2016. Il-wirja turi x-xogħlijiet ta’ riċerka li qed isiru fl-università fix-xjenza, b’mod partikolari fin-neuroscience, l-informatika (ICT), l-inġinerija, ix-xjenza medika, u l-qasam soċjali.
Transplant Support Group
Fil-bini tal-Parlament se jkun hemm membri mit-Transplant Support Group (TSG) sabiex iħeġġu aktar Maltin ikunu ġenerużi mal-morda u fl-istess waqt jagħtu tagħrif lil dawk l-individwi li juru x-xewqa tagħhom li jinkitbu fir-Reġistru tad-Donaturi ta’ Organi. Hija x-xewqa tal-organizzaturi li n-numru tad-donaturi tal-organi jiżdied bl-għan li l-ħtiġijiet tal-pazjenti milquta minn mard kiefer jintlaħqu sabiex nagħtuhom tama għal ħajja aħjar.
Kampanja Nazzjonali għal aktar għarfien dwar id-Dimensja
Is-Segretarjat Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva, fi ħdan il-Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali, ser ikun preżenti wkoll fil-bini tal-Parlament waqt l-attività tan-Notte Bianca biex ikompli jippromwovi kampanja nazzjonali dwar id-dimensja bl-għan li l-pubbliku jsir jaf aktar dwar din il-kundizzjoni medika li tolqot lil ħafna, l-aktar dawk f’età avvanzata. Permezz ta’ din il-kampanja edukattiva, il-pubbliku ser ikun mgħarraf jinduna bl-ewwel sinjali ta’ din il-kundizzjoni u jitħeġġeġ sabiex ikun ta’ għajnuna lil dawk milquta.
Wirja – Take Care of the Environment for the Future Generations
Ser inkun hemm ukoll wirja ta’ lbies b’gazzetti riċiklati u arranġamenti ta’ fjuri bit-tema ‘Take Care of the Environment for the Future Generations’, imtella’ minn Connie Scerri u l-istudenti tagħha, Connie Scerri Floral Class.
Min jixtie iżur il-Parlament għandu jieħu l-karta tal-identità. It-tfal għandhom ikunu akkumpanjati mill-ġenituri.