“Emozzjonanti għax qatt ma bsarna li ħa niġu ġurnata xogħol mal-anzjani u ħa nibdew il-ġurnata ma’ persuna li ħa tibda d-dinja.”
Viżibbilment emozzjonat, hekk iddeskriva dak li ġara l-Ġimgħa filgħodu l-infermier fid-dar tal-anzjani tal-Imtarfa, Kevin Borg. Dan meta f’dik li kellha tkun ġurnata xogħol bħall-oħrajn mal-anzjani, inbidlet f’ġurnata li fiha spiċċa protagonist biex għen isalva żewġ ħajjiet.Il-carers bdew jgħajtulu b’mod urġenti, meta għall-bidu ħaseb li kien ġara xi ħaġa lil xi anzjan, imma mbagħad sema carer tgħid li mara welldet tarbija barra.
“Aħna ħsibna li hemm xi ħadd fil-ġnien tagħna jew f’karozza barra t-triq. Dak il-ħin kienet għaddejja storm tajjeb, riħ, xita, ma qisniex it-temp imma qbadna niġru u ma konniex nafu fejn qed niġru.”
Kien Rainier Xuereb, li mat-tokki tas-sebgħa u nofs tal-Ġimgħa filgħodu, sema l-biki u l-karba ta’ mara li toqgħod fl-istess blokka t’appartamenti tiegħu. Mar jara x’ġara, sab il-bieb imbexxaq, u daħal.
“Metru ’l bogħod mill-bieb insib dil-omm għarkupptejha, f’għadira demm, bit-tarbija f’idejha. Jien assumejt li kienet għadha kif wellditu hemmhekk.”
Xena li mhux faċli jinsa; bir-raġel jistqarr li għalkemm kien taħt xokk qawwi, ħaseb fit-tarbija, għamel kuraġġ u ħareġ f’xita qliel biex mar fid-dar tal-anzjani u talab għall-għajnuna professjonali.
“Jiena l-mara tiegħi tqila kważi disa’ xhur u dejjem ġieni l-ħsieb li f’każ t’emerġenza jiena x’se nagħmel? U l-ħsieb kien li niġi l-homa f’każ t’emerġenza u hekk għamilt.”
Dlonk sab l-id t’għajnuna, b’sitt persuni mid-dar tal-anzjani – fosthom l-infermier Borg, jerħulha lejn id-dar biex jgħinu lill-omm u lit-tarbija.
“Dak il-ħin jien qbadt it-tarbija, iċċekjajt li ma kienx hemm obstruction f’ħalqha u bdejt bilmod nirrubbja dahru biex inġiegħlu jieħu n-nifs għax il-ġilda kienet għadha bajda dak il-ħin. Imbagħad beda jistejqer, beda jiċċaqlaq u jitmattar u dak il-ħin, il-kulur tiegħu beda ġej.”
Flimkien mal-għajnuna lit-tarbija, ġiet mgħejjuna wkoll l-omm – li l-infermier iddeskriva bħala anġelika, f’mument li l-Bambin kien magħha u ggwidaha f’dak kollu li kellha bżonn.
L-infermier Borg stqarr li fi tletin sena esperjenza bħala infermier – saħansitra anki ma’ trabi li jitwieldu qabel iż-żmien fl-NPICU, qatt ma ħolom li se jgħaddi minn esperjenza bħal din.
“Naħseb il-Christmas ħa jkun sabiħ għalija għax nibda ngħid dak il-baby llum għandu 2 u jiena xjaħt sena oħra.”
ONE News jista’ jikkonferma li ċ-ċkejken jinsab qawwi u sħiħ imdawwar b’dawk l-aktar qrib tiegħu.