Minn Jannar tal-2017 sa Settembru li għadda l-pulizija rreġistrat 143 każ ta’ suwiċidju f’Malta u Għawdex.
Qal dan il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri, meta kien qed iwieġeb mistoqsija parlamentari, fejn spjega wkoll kif 29 każ minn dawn kienu ta’ persuni barranin.
Fl-2017 ġew irrappurtati 25 każ ta’ suwiċidju b’20 kienu irġiel u ħamsa nisa. Is-sena ta’ wara n-numru niżel għal 22, b’19-il raġel u tliet nisa.
L-2019 wkoll rat nuqqas, b’19-il raġel u żewġ nisa li għamlu suwiċidju. Fl-2020 ġew irrappurtati 22 każ ta’ suwiċidju b’21 f’Malta u wieħed f’Għawdex. L-2021 rat żieda, hekk kif in-numru ta’ każijiet ta’ suwiċidju tela’ għal 34 persuna. Minn dawn, disa’ kienu nisa u 24 raġel.
Sa Settembru ta’ din is-sena ġew irrappurtati 19-il suwiċidju.