Permezz tal-Baġit li tħabbar f’Ottubru li għadda, minn Jannar tas-sena li se nibdew dalwaqt, se jissaħħu bosta miżuri soċjali.
Għamlet lista ta’ dawn il-miżuri, il-gazzetta KullĦadd, minn informazzjoni miksuba mill-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal.
Fost il-miżuri hemm iż-żieda ta’ €15 fil-ġimgħa għall-pensjonanti, li tfisser żieda ta’ €780 f’sena.
Dan filwaqt li l-Pensjoni tar-Romol mhux se tibqa’ taxxabbli għal jkunu għadhom m’għalqux il-61 sena.
Miżura oħra hija li 7,000 persuna se jkollhom żieda fil-pensjoni biex tiġi aġġustata biex tkun l-istess bħal tal-konjugi tagħhom meta jiġu nieqsa. 53,000 pensjonant, li rtiraw wara l-2008, se jgawdu mill-proċess li l-bonus tal-għoli tal-ħajja jitħallas sħiħ.
Mis-sena d-dieħla wkoll, l-inċentiv għal min jibqa’ jaħdem, flok jieħu l-pensjoni kontributorja se jissaħħaħ b’żieda addizzjonali ta’ 1.5% kull sena.
Dawk fuq l-Assistenzi Soċjali se jkomplu jieħdu ż-żieda tal-għoli tal-ħajja sħiħa flok żewġ terzi fi proċess li nbeda s-sena l-oħra.
Mill-2024 ukoll, se jkun hemm żieda ta’ €10 għal €50 fil-ġimgħa fl-assistenza għal persuni li jkunu fuq programm ta’ rijabilitazzjoni.
Se jsir twessigħ tat-test tal-mezzi għall-benefiċjarji tal-Assistenza għal Mard meta jirtu proprjetà jew flejjes, waqt li l-Allowance Miżjuda għal Carer u l-Allowance għal Carer ukoll se jkunu qed jiżdiedu bil-COLA sħiħa.
L-Assistenza Miżjuda għal Diżabbiltà Severa, bis-saħħa taż-żieda fil-Paga Minima Nazzjonali, se tiżdied għal €192.19 fil-ġimgħa.
Se jidħlu fis-seħħ ukoll rati ogħla fil-Benefiċċju tal-Qgħad li se jiġi riformat biex ir-rati jkunu aktar relatati mas-salarji jew il-qliegħ li persuna jkollha qabel titlef l-impjieg tagħha.
Il-kriterji ta’ kreditu ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali se jitwessgħu biex ġenituri, li l-ewwel bnew familja u wara daħlu fid-dinja tax-xogħol, ikunu wkoll intitolati għal dawn il-krediti tat-trobbija minħabba li sal-lum mhumiex.
Se jiġi introdott ukoll il-kunċett ta’ invalidità parzjali kif kien imwiegħed fil-manifest elettorali billi persuni li jkunu ilhom aktar minn sitt xhur fuq il-benefiċċju tal-mard u ma jkunux intitolati għall-Pensjoni tal-Invalidità se jibdew jieħdu rati ogħla ugwali għal din tal-aħħar, sakemm jibqgħu bla waqfien fuq il-benefiċċju tal-mard.