L-aħbar xokkanti tal-qtil tal-Arċiduka Franz Ferdinand u l-Arċidukessa f’Sarajevo fit-28 ta’ Ġunju 1914, nisslet sensazzjoni profonda mal-Ewropa kollha. Dan il-qtil kien rifless f’għaġeb u biża’ mhux biss f’Malta iżda ssarraf ukoll f’nuqqas ta’ sigurtà fl-Ewropa, li wassal għall-Ewwel Gwerra Dinjija. Fid-29 ta’ Lulju tal-istess sena, sitt ijiem qabel mal-Gran Britannja ddikjarat formalment il-gwerra tagħha kontra l-Ġermanja, id-Deputat Direttur tas-Servizzi Mediċi, il-Kurunell Kmandant Michael William Russell, sejjaħ lill-uffiċjali mediċi tiegħu lura mill-vaganzi u lesta l-erba’ sptarijiet li kien hawn Malta għal kulma seta’ jinqala’.
Dawn kienu fil-Kottonera (278 sodda), fl-Imtarfa (55 sodda), Forrest (20 sodda) u l-Isptar tal-Belt. Dan kien qed jintuża mill-morda tar-Royal Malta Artillery (26 sodda) u bħala Sptar għall-Familji Militari (10 sodod). Mad-dikjarazzjoni tal-gwerra, kien immobilizzat is-servizz tal-ambulanza bit-tliet sezzjonijiet fl-istazzjonijiet rispettivi tagħhom tal-gwerra. Sezzjoni A ngħaqdet mal-Fortizza ta’ Ħ’Attard, Sezzjoni B marret f’Bir id-Deheb u Sezzjoni Ċ għaż-Żebbiegħ, qrib l-Imġarr. Hekk kif il-kriżi politika bdiet teskala b’mod mgħaġġel, ittieħdu diversi miżuri u peress li Malta kienet taħt l-idejn Ingliżi u qed isservi bħala bażi għall-ikbar u l-aktar Flotta Navali Ingliża b’saħħitha fil-Mediterran, il-gżira ntlaqtet mill-ewwel mill-kriżi – it-theddid u l-biża’ ta’ gwerra. Żewġ vaguni tal-ambulanza tqiegħdu fl-Imtarfa, wieħed fil-kamp tal-Mellieħa, ieħor fil-kamp ta’ Għajn Tuffieħa u tnejn f’Bir id-Deheb. Fil-bidu ta’ Awwissu, Malta rċeviet dispaċċ minn Portsmouth fuq il-movimenti navali Britanniċi.
Dan kien jaqra li l-Ammiraljat u l-Uffiċċju tal-Gwerra kienu qed jagħmlu l-arranġamenti kollha meħtieġa biex jekk meħtieġ, il-flotta tkun tista’ titlaq minn pajjiżna f’kull ħin. Fis-6 ta’Awwissu ħarġet ordni li l-isptarijiet militari fil-Kottonera u fil-Belt jingħalqu biex iservu għad-difiża ta’ Malta. Il-ħaddiema u l-pazjenti ġew trasferiti fl-Isptar il-ġdid tal-Imtarfa, li nbena f’erba’ Blokki. Fit-8 ta’ Awwissu nfetħu żewġ sptarijiet għal każi żgħar: wieħed f’Żabbar Gate, taħt il-Maġġur Henry Lawrence Weekes Norrington, u ieħor f’wieħed mill-blokkijiet fil-Barracks tal-Furjana taħt is-Surġent Maġġur Alfred Eugene Mifsud tal-RMA.
Il-ħaddiema għal dawn l-isptarijiet kienu pprovduti mill-Assoċjazzjoni Ambulanza San Ġwann. 48 tabib ċivili, 13-il mara infermiera u 97 infermier raġel imħarrġa, flimkien ma’ sitt farmaċisti, sitt compounders u sitt koki, kienu voluntiera għasservizz permezz tal-Assoċjazzjoni Ambulanza San Ġwann. Matul il-gwerra mietu ħafna u ħafna nies u dawk li sfaw feruti ttieħdu bil-vapuri fi sptarijiet lejn Lixandra u Malta. Kienu jieħdu bejn tlieta u erbat ijiem biex jaslu fid-destinazzjoni tagħhom.
Fit-22 ta’ Marzu, l-HMHS Soudan, li kien vapur mibdul fi sptar għal 202 pazjenti u b’arranġament għal 100 sodda oħra f’emerġenza, telaq mid-Dardanelli għal Malta, b’113-il każ u 76 ferut. Dawn tniżżlu f’Bighi fil-25 ta’ Marzu. L-ewwel konvoj ta’ 600 suldat ferut gravi wasal Malta fl-4 ta’ Mejju, 1915 fuq HT Clan McGillivray. Minn dawn, 160 każ sever ittieħdu fl-isptar tal-Belt; il-bqija ttieħdu Tignè għall-konvalexxenza. Ma kien hemm qatt waqfien fin-numru ta’ feruti ġejjin Malta.
Fil-5 ta’ Mejju, 394 suldat waslu fuq l-HS Sicilia. 200 minnhom intbagħtu fl-isptar tal-Kottonera, il-bqija baqgħu fl-Isptar Navali f’Bighi. 30 suldat ieħor waslu feruti fuq l-HS Somali. Fis-6 ta’ Mejju, fuq l-HT Aragon ġew 641 każ ieħor, li 20 minnhom ittieħdu fl-Isptar tal-Kottonera, 126 fl-Isptar tal-Belt, 250 f’Tignè, f’240 San Ġorġ u 5 uffiċjali flIsptar tal-Blue Sisters. Sitt ijiem wara waslu 700 każ ieħor fuq l-HT Caledonia.
Issa, in-numru tal-morda u feruti fil-gżira tela’ għal 2,593. In-numru baqa’ tiela’. Fis-17 ta’ Mejju, waslu 773 ferut mill-Eġittu fuq l-HT Braemar Sasle, li l-maġġoranza tagħhom intbagħtu fl-isptarijiet tal-Imtarfa u Sant Andru. L-għada, ir-Royal George ġab 353 każ ieħor; is-Southland 776 minn Lixandra.
F’Ottubru 1915, forza militari niżlet f’Salonika biex tgħin lis-Serbja fil-gwerra tagħha kontra l-Bulgarija. Il-ħidma f’Gallipoli kienet abbandunata kmieni f’Jannar 1916. Għalhekk in-numru ta’ każi ta’ feruti lejn Malta naqas, hekk li sa tmiem Marzu 1916, kien hawn 20,000 sodda iżda 4,000 pazjent biss.
F’April 1917, l-attakki mis-sottomarini fuq il-vapuri sptarijiet għamluha diffiċli biex jibqgħu jevakwaw lill-feruti minn Salonika għal Malta. In-numru totali ta’ morda u feruti kkurati f’Malta mill-4 ta’ Mejju 1915 sa Frar 1919 kien: 2,538 uffiċjal, 14-il soru infermiera u 55,439 f’ħidma oħra. Total ta’ 57,991 mill-Mediterranean Expeditionary Force, u 2,930 uffiċjal, 467 soru infermiera u 74,733 f’ħidmiet differenti: total ta’ 78,130, mis-Salonica Expeditionary Force. Dan kollu ġab ħafna xogħol lillMaltin. Iżda mhux kollox kien ward u żahar.
L-Ewwel Gwerra Dinjija ġabet ħafna skarsezzi fost il-Maltin. Għalhekk f’dak iż-żmien kien hawn ħafna għaks u faqar minkejja li kien hawn ħafna xogħol. Il-ħobż għola d-doppju. Il-Gvern Ingliż għamel taxxi ġodda minflok id-dazju, li kien naqas peress li naqas il-kummerċ. Minflok, daħlu taxxi fuq iċ-ċinema u taxxa fuq is-suċċessjoni. Din il-qagħda ħażina wasslet għal moviment fost il-ħaddiema.
Fl-1916 waqfet Union fit-tarzna: Malta Government Workers’ Union. Wara l-gwerra l-qagħda ħażina kompliet. Fi Frar 1919, saret l-ewwel laqgħa tal-Assemblea Nazzjonali mmexxija minn Filippo Sciberras sabiex ifasslu Kostituzzjoni u jgħadduha lill-Gvern Ingliż biex japprovaha.
Fis-7 ta’ Ġunju, 1919 kienet qed issir it-tieni laqgħa tal-Assemblea Nazzjonali fil-Belt Valletta meta folla kbira nġabret il-Belt Valletta bħala turija ta’ appoġġ. Il-folla tilfet il-kontroll meta rat li xi ħwienet ħallew il-bandiera Ingliża tittajjar fuq il-bjut. Huma waddbu l-ġebel u attakkaw il-Bibljoteka, l-imħażen ta’ negozjanti tal-qamħ u l-istamperija talgazzetta The Daily Malta Chronicle (gazzetta favur l-Ingliżi). Membri Ingliżi fil-Union Club ipprovokaw lill-Maltin billi waddbu soldi qalb il-folla.
Meta l-Pulizija Maltija ma setgħetx tikkontrolla l-folla, issejħu s-suldati Ingliżi li sparaw fuq il-folla. Hawn inqatlu tliet Maltin, Wenzu Dyer, Ġużeppi Bajada u Manwel Attard. L-għada, il-folla telgħet tpoġġi kuruni fil-post fejn inqatlu l-Maltin. Membri tal-Union Club reġgħu pprovokaw lill-Maltin. Il-folla reġgħet saħnet. Din id-darba ħarġu l-marines u qatlu lil Karmenu Abela.