Waranofsinhar il-Pulizija ressqet persuna l-Qorti dwar l-omiċidju Joseff Rivas li seħħ f’San Ġiljan fil-5 ta’ Diċembru.
Ilie Constantin, Rumen ta’ 31 sena, tressaq quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Yana Micallef Stafrace. Huwa wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih: qtil, pussess illegali ta’ sikkina u li kien qed jgħix minn fuq il-prostituzzjoni. Madanakollu, ma saret ebda talba għall-ħelsien mill-arrest u nżamm arrestat.
Constantin qal li twieled f’Bucharest, ir-Rumanija, u bħalissa jinsab bla xogħol. Preżenti fl-awla kien hemm membri mill-familja tiegħu, fosthom oħtu.
Intant, l-aħwa Rumeni Ionut-Iulian Tanase, ta’ 35 sena, u Dan-Andrei Tanase, ta’ 32 sena, jinsabu taħt arrest wara li f’temp ta’ sigħat tressqu l-Qorti mixlija bl-omiċidju ta’ Joseff Rivas nhar it-Tnejn 5 ta’ Diċembru f’San Ġiljan. Huma tressqu l-Qorti jumejn biss wara d-delitt, u t-tnejn wieġbu li mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom.
It-tielet suspettat ma kienx ittella l-Qorti għax kien jinsab rikoverat l-Isptar Mater Dei. Huwa kellu jiġi mixli bil-qtil fil-Qorti lbieraħ, wara ġimgħa jingħata l-kura l-Isptar Mater Dei għall-ġrieħi li ġarrab fl-aggressjoni li ħatfet il-ħajja ta’ Rivas. Iżda minflok kellu jiġi rikoverat l-isptar wara li ħassu ħażin.