- Għal darb’oħra l-Air Malta tgħaqqad lil Malta mal-Afrika ta’ Fuq, b’servizzi skedati ġodda lejn Tunis li se jibdew fis-26 ta’ Ġunju
L-Air Malta se tgħaqqad mill-ġdid lil Malta mal-Afrika ta’ Fuq wara li se jerġgħu jibdew servizzi skedati bejn il-gżejjer u l-Ajruport ta’ Tunis Carthage minn nhar it-Tnejn, 26 ta’ Ġunju 2017.
“Kuntenti ħafna li qed inħabbru li dan is-sajf se nerġgħu nirritornaw lejn l- Afrika ta’ Fuq bi tliet titjiriet fil-ġimgħa. Din hija t-tieni destinazzjoni li qed inħabbru f’ġimagħtejn.
Is-sitwazzjoni fl-Afrika ta’ fuq konna qed insegwuha kuljum. Issa, is-sitwazzjoni fit Tuneżija qed terġa’ tiġi għan- normal u aħna rridu nkunu minn tal-ewwel biex nerġgħu ngħaqqdu l- Ewropa ma dan il-pajjiż. It-Tuneżija hija destinazzjoni meraviljuża u ninsabu fiduċjużi li din se tkun żieda sabiħa fl-iskeda tagħna, hekk kif ngħaqqdu t-Tuneżija mhux biss ma’ Malta, iżda wkoll ma’ ħafna mid- destinazzjonijiet Ewropej tagħna. Il-pajjiż huwa ideali għall-‘’weekend breaks’’ u għall-vaganzi fejn wieħed ċertament se jsib temp xemxi,” qal Paul Sies, il-Kap Kummerċjali tal-Air Malta.
It-titjiriet tal-Air Malta se jżidu l-konnettività tat-titjiriet bejn it-Tuneżija u l-ibliet Ewropej ta’ Vjenna, Londra, Ruma, Amsterdam, Praga, Munich, Brussell, Marsilja, Katanja, Milan u Zurich b’ħin qasir ta’ konnettività fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.
L-iskeda tat-titjiriet se topera it-Tnejn, l-Erbgħa u l-Ġimgħa.