F’Awwissu tas-sena l-oħra kienet fuq dgħajsa mimlija immigranti irregolari fil-baħar Eġew fuq dgħajsa li kienet bdiet tagħmel l-ilma. It-tfajla Sirjana, li llum għandha 18-il sena la riedet tmut mgħarrqa hi u anqas l-20 kompattrijotti tagħha, fosthom oħtha. Qabżet il-baħar flimkien ma’ oħtha u mara oħra u flimkien imbuttaw id-dgħajsa b’saħħa liema bħala sakemm waslitha fil-kosta tal-gżira ta’ Lesbos.
Sena wara, Yusra Mardini, ngħżlet mill-Kumitat Olimpiku Internazzjonali (il-KOI) biex tieħu sehem fl-Olimpjadi ta’ Rio 2016 bħala waħda mill-għaxar atleti tal-kontinġent tar-refuġjati – l-ewwel darba fl-istorja li se jkun hemm kontinġent b’dan l-isem.
Yusra, twieldet Damasku u fl-2012 irrappreżentat lill-pajjiżha fil-kampjonati dinjija tal-għawm organizzati mill-FINA. Iddeċidiet li titlaq mis-Sirja tfittex futur aħjar fl-Ewropa wara li d-dar tagħha nqerdet f’attakk fil-gwerra ċivili.
Flimkien ma’ oħtha Sarah, f’Awissu 2015, waslu l-Libanu u minn hemm fit-Turkija, fejn minn Iżmir qabdet dgħajsa flimkien ma’ 20 oħra lejn il-Ġreċja. Id-dgħajsa kienet tesa’ biss seba’ persuni. Minn Lesbos, xahar wara marru Berlin fejn illum jgħixu mal-familja tagħhom.
Il-kontinġent tar-refuġjati magħżul mill-KOI fiħ 43 atleta minn dixxiplini diversi, fosthom ħamsa mis-Sudan, tnejn mis-Sirja, tnejn mir-Republika Demokratika tal-Kongo u wieħed mill-Etjopja. Fiċ-ċerimonja tal-ftuħ fl-Istadium Maracana, dawn se jimxu wara l-bandiera tal-KOI, qabel il-Brażil.
Yusra Mardini u Ramis Anis se jieħdu sehem fil-kompetizzjonijiet tal-għawm, wsaqt li Yolande Bukasa Mabika u Popole Misenga, li jgħixu l-Brażil se jieħdu sehem fil-judo. Fil-maratona se jieħu sehem Yonas Kind, li jgħix il-Lussemburgu, waqt li ħames atleti oħra li jgħixu l-Kenja se jieħdu sehem fit-tiġrijiet tal-400 metru u l-1,500 metru.