Mit-Tlieta se tibda topera l-linja tal-ajru ġdida Wizz Air Malta. L-ewwel titjira tal-Wizz Air Malta se titlaq mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Ruma fi Fiumicino.
Dan wara li l-kumpanija ngħatat iċ-Ċertifikat tal-Operat tal-Ajru mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għas-Sigurtà fl-Avjazzjoni u Liċenzja Operattiva mid-Direttorat tal-Avjazzjoni Ċivili ta’ Malta.
Dan tħabbar fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta t-Tnejn filgħodu, hekk kif wasal l-ewwel ajruplan irreġistrat taħt Wizz Air Malta. Dan intlaqa’ minn salut tradizzjonali permezz tal-kanuni tal-ilma fil-mitjar Malti.
Il-President ta’ Wizz Air, Robert Carey, qal li t-twaqqif ta’ Wizz Air Malta se jipprovdi opportunitajiet biex il-kumpanija tiddiversifika aktar l-operat tagħha u tixpruna t-tkabbir.
Huwa qal li, sas-sajf li ġej, huwa mistenni li jkun hawn mill-inqas 75 ajruplan ta’ din il-kumpanija, b’39 bażi madwar l-Ewropa.
Ma’ ONE News, Robert Carey spjega għaliex il-kumpanija Wizz Air, li twaqqfet tmintax-il sena ilu, għażlet lill-pajjiżna.
“I think, look, it was a thorough selection process. We went through all of Europe, to basically look at it. But we saw the best supportive and environment here in Malta, for allowing us to grow the business and really see a prospective going forward. That’s why we chose Malta and we are excited to launch Wizz Air Malta today.”
Il-President ta’ Wizz Air, Robert Carey
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għat-Trasport, Aaron Farrugia, qal li huwa ta’ sodisfazzjon kbir li Malta ntgħażlet għal din il-linja tal-ajru ġdida.
Il-Ministru għat-Trasport qal li Malta se tkompli tappoġġja lill-investituri sabiex jagħżlu lill-pajjiżna bħala l-ġuriżdizzjoni tagħhom għall-benefiċċju ta’ din l-industrija importanti u dan se jwassal biex tkompli tissaħħaħ l-ekonomija ta’ pajjiżna.
“Qed inkomplu naraw li, fejn jidħol is-settur tal-avjazzjoni, Malta qed tkompli ssir il-ġuriżdizzjoni tal-għażla ta’ ħafna kumpaniji barranin li ġejjin hawn Malta. Ovvjament, ir-reputazzjoni tagħna, imma wkoll l-effiċjenza tal-ħaddiema Maltin illi joffru l-aqwa prodott fl-Ewropa.”
Il-Ministru Aaron Farrugia
Id-Direttur Ġenerali tad-Direttorat tal-Avjazzjoni Ċivili fi ħdan Transport Malta, il-Kaptan Charles Pace, esprima l-ħerqa li din il-kumpanija tikber fix-xhur li ġejjin biż-żieda ta’ numru sostanzjali ta’ ajruplani ġodda