Mill-Ħamis, żgħażagħ fost oħrajn se jibdew jibbenefikaw minn skema ta’ għajnuna finanzjarja mogħtija mill-Gvern fil-ħlas tad-depożitu tal-10% għall-ewwel proprjetà tagħhom. Din l-iskema se ssir b’investiment ta’ €3 miljun u li minnhom huwa stmat li jgawdu 300 applikant.
F’konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes u l-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna qalu li din l-iskema se tgħin żgħażagħ li jkunu eleġibbli li jissellfu mill-bank biex jixtru l-proprjetà tagħhom iżda ma jkollhomx biżejjed likwidità sabiex iħallu id-depożitu.
Għal dan il-għan, il-Gvern issieħeb mal-banek APS u l-Bank of Valletta u l-Gvern se jsellef somma t’aktar minn sbatax-il elf ewro mingħajr imgħax.
“Il-Gvern qed jagħmel tajjeb għal dan id-depożitu billi jislef 17,500 ewro li dawn jkunu mħallsa fuq ħamsa u għoxrin sena u f’dak il-perjodu l-Gvern qed jiggarantixxi li l-interessi u l-imgħax għal din is-somma finanzjarja.”
Dawk l-benefiċjarji li jħallsu s-somma lura dovuta f’inqas minn ħames snin se jkunu qed jibbenefikaw minn tnaqqis ta’ 5% mis-somma dovuta.
Filwaqt li dawk li jħallsu s-soma lura f’perjodu ta’ bejn ħames u għaxar snin se jkunu qed jibbenefikaw minn tnaqqis ta’ 2% mis-somma dovuta.
Dawk eleġibbli għal din l-iskema huma:
- Persuna waħidha li għandha bejn il-21 u t-30 sena u għandha dħul annwali ta’ bejn €19,000 u €25,000.
- Persuna waħidha li għandha bejn il-31 u d-39 sena u għandha dħul annwali ta’ bejn €25,000 u €35,000.
- Koppja ta’ bejn 21 u 39 sena li għandhom dħul annwali f’daqqa ta’ bejn €19,000 u €35,000.
Il-Ministru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji Edward Scicluna qal li bħala Gvern jagħti prijorita’ kbira lill-qasam tal-Housing għaliex huwa parti kbira mill-basket tal-konsum tal-familji.
“Diskussjonijiet mal-banek, nidħlu biex nindirizzaw bżonn ta’ żgħażagħ illi mhux dejjem ikunu ċ-ċirkostanzi biex jixtru u jotjenu dik il-proprjetà.”
Fi tmiem il-konferenza tal-aħbarijiet ġie ffirmat ftehim dwar dawn l-iskemi bejn l-Awtorità tad-Djar u l-banek, bil-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar fisser kif parti mill-missjoni tal-awtorità hija li taħdem biex aktar nies isiru sidien ta’ djarhom.
“Barra li tipprovdi akkomodazzjoni affordabbli huwa wkoll li tkompli tippromovi biex aktar u aktar persuni jsiru sidien ta’ djarhom.”