Mal-wasla tagħhom il-Belt, il-passiġġieri ser jibdew jinżlu mill-karozza tal-linja fiż-żona magħrufa bħala l-Biskuttin minn għada.
Il-passiġġieri mhux ser jibqgħu jieqfu fejn hemm il-kjosks quddiem bieb il-Belt. Iż-żona magħrufa għal għexieren ta’ snin bħala l-venda tal-Belt, ser tinbidel f’żona pedonali u ser tilqa’ l-aħħar karozza tal-linja illejla.
Il-proġett ta’ quddiem id-daħla tal-Belt ser jidħol f’fażi oħra fil-ġranet li ġejjin.
Ix-xogħlijiet f’King Edward Avenue kważi lesti u x-xogħol ser jitkompla fl-inħawi tal-Funtana tat-Tritoni. Hawnhekk ix-xogħol ser jinvolvi postijiet għas-siġar, installazzjoni ta’ servizzi u reservoirs għal-ilma biex il-pjazza ssir żona pedonali.
Waqt ix-xogħlijiet u bħala miżura ta’ sigurta’, in-naħa tal-funtana ser tingħalaq għal-pubbliku. Il-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, ser tagħmel passaġġ biex in-nies jimxu b’mod sikur lejn il-Belt u l-Furjana waqt li għaddej ix-xogħol.
Dan il-passaġġ ser jibda jintuża mill-Ħadd li ġej. Għaldaqstant inħeġġu l-pubbliku biex jimxi mas-sinjali fuq il-post.