Waqt li l-Erbgħa filgħodu eluf ta’ tfal Maltin u Għawdxin mistennija lura fuq il-bank tal-iskola, madwar 60% tal-istudenti li jattendu skejjel sekondarji se jkunu jistgħu jibdew jagħmlu użu minn laboratorji ġodda li fihom se jibdew jitgħallmu suġġetti vokazzjonali jew tgħallim applikat.
Dawn il-laboratorji saru b’investiment ta’ 10 miljun ewro. Il-ministru għall-edukazzjoni Evarist Bartolo stqarr li dan il-programm bl-isem ‘ Il-vjaġġ tiegħi’ se joffri pjan ta’ suġġetti vokazzjonali u se joffri edukazzjoni iżjed ħolistika lill-istudenti Maltin.
Il-Ministru Bartolo stqarr li “Se nkunu qed nippreparaw lit-tfal tagħna, liż-żgħażagħ tagħna aħjar, kemm fl-għerf tagħhom, li jiksbu, kemm fil-ħiliet biex imbgħad japplikaw dak l-għerf u kemm fil-qalb tajba tagħhom biex dak li jagħmlu, jagħmluh għal ġid tagħhom infushom u tal-oħrajn”.
Il-Ministru Bartolo spjega li tul is-sajf sar investiment ta’ ħames Miljun ewro f’xogħlijiet differenti fl-iskejjel madwar Malta u Għawdex sabiex dawn ikunu lesti għas-sena skolastika ġdida.
Saħaq li filwaqt li bosta skejjel mhux jagħlqu l-bibien tagħhom għat-tfal fis-sajf minħabba skola sajf xorta saru bosta xogħlijiet ta’ tisbieħ u manutenzjoni. Dan filwaqt li saħaq kif għad hemm xogħol kbir xi jsir kemm fi skejjel eżistenti kif ukoll oħrajn ġodda li qed jinbnew.
Il-bidu tas-sena skolastika l-ġdida tfisser ukoll li eluf ta’ familji se jiffrankaw mas-700 ewro oħra permezz tal-iskema tat-trasport b’xejn għall-istudenti. Skema li din is-sena rat żieda qawwija fl-applikazzjonijet mill-ġenituri u mis-sidien tal-vannijiet b’dawn tal-aħħar jitilgħu għal mitejn u ħamsin minn 18 is-sena l-oħra.
Il-Ministeru għall-Edukazzjoni qed jistma żieda wkoll fl-istudenti mill-25 elf li użawh fis-sena skolastika li għaddiet.
Għal dan is-servizz, il-Gvern mistenni jonfoq 27 miljun ewro, 2 miljun ewro aktar mis-sena l-oħra.
Il-Ministru Bartolo tenna li “ Għandu benefiċċji għat-tfal, għandu benefiċċji għal ġenituri finanzjarji, għax dawn nikkalkolaw li qed jiffrankaw madwar 700 ewro fis-sena fuq kull tifel u tifla li jużaw dan is-servizz. Benefiċċju wkoll fit-toroq għaliex ikun hawn inqas karozzi privati inqas tniġġis biex it-tfal jaslu fl-iskola”.
Il-Ministru Bartolo awgura lil istudenti sena skolastika produttiva filwaqt li appella sabiex il-ġenituri, l-edukaturi u l-iskejjel jaħdmu id f’id għall-ġid tat-tfal.