Mill-Ħamis, l-ewwel ta’ Frar, se tkun qed tidħol fis-seħħ l-inizjattiva ta’ stabbiltà fi ħmistax-il kategorija ta’ ikel, li ħabbar il-Gvern ftit tal-jiem ilu. Inizjattiva li, permezz tagħha, madwar 450 prodott fi ħmistax-il kategorija ta’ ikel differenti se jkunu qed jaraw tnaqqis ta’ mill-inqas ħmistax fil-mija fil-prezz tagħhom fuq dak li kien f’Ottubru tal-2023.
Proprju jum qabel il-pubbliku se jkun qed jibbenefika minn dan ir-roħs fil-prezzijiet ta’ prodotti essenzjali tal-ikel, ONE News segwa l-aħħar preparamenti li qed isiru mis-sidien u l-importaturi biex jaġġustaw għal din l-inizjattiva l-ġdida.
Fil-fatt, tkellimna mal-General Manager ta’ Interspar, Kenneth Borg Caruana, li spjegalna dawn it-tħejjijiet li qed isiru, fosthom l-emendi fil-prezzijiet tal-prodotti f’din l-iskema.
“Bħalissa qegħdin fil-preparazzjonijiet finali tal-prezzijiet. Bażikament li qed jiġri bħalissa qed naqbdu l-prodotti kollha li jaqgħu taħt din l-iskema u qed nibdew nagħmlulhom il-prezzijiet il-ġodda. Ovvjament inkunu qed nistennew ukoll informazzjoni dieħla minn ċertu suppliers biex aħna jkollna sa għada meta tibda l-iskema, ikollna l-prezzijiet kollha f’posthom, bil-prezzijiet li huma skont l-iskema.”
Borg Caruana spjega wkoll x’għandu jfittex il-pubbliku hu u jixtri mill-ewwel ta’ Frar li ġej biex jibbenefika minn din l-inizjattiva intiża biex tiġġieled r-realtà tal-inflazzjoni.
“Meta jidħlu l-kljenti jixtru, dawn iridu jfittxu t-tabella tal-istabbiltà li turi li dak il-prodott jaqa’ taħt l-iskema. Hemmhekk se jaraw il-prezz kif kien u l-prezz kif ġie issa. Minn diversi kategoriji li nista’ nsemmi għandek l-għaġin, għandek il-penne u l-ispaghetti, fejn jidħol ħalib ta’ dak li għandna fl-iskema, għandek cornflakes u kull tip ta’ cornflakes, li wkoll jaqa’ taħt din l-iskema. Għandek il-kafè li wkoll jaqa’ taħt din l-iskema, jiġifieri hemm diversi prodotti minn kategoriji differenti.”
Sadanittant ONE News tkellem ukoll mal-Ministru Silvio Schembri, responsabbli mix-xogħol importanti wara din l-inizjattiva.
Il-Ministru spjega kif, sa jum qabel tibda din l-inizjattiva, telgħu għal aktar minn 450 il-ħwienet u l-importaturi li qed jieħdu sehem f’din l-inizjattiva.
“Dan hu l-frott issa u ħa nibdew naraw il-frott ta’ ħafna ħidma li għamilna fl-aħħar xhur, ħidma fejn issa ħa naraw in-numru ta’ ħwienet li issa telgħu aktar minn 400 madwar Malta u Għawdex u allura se jkollok ħafna aktar familji Maltin u Għawdxin li jgawdu minn dan ir-roħs u jkollhom aktar serħan il-moħħ bl-istabbiltà li hawnhekk qed noffru fuq l-ikel importat.”
Il-Ministru Schembri fakkar ukoll kif din hi biss waħda mill-miżuri li qed jieħu l-Gvern biex inaqqas l-impatt tal-inflazzjoni. Fost oħrajn, semma s-sussidju fil-prezzijiet tal-enerġija, is-sussidju fuq il-ġwież u qamħ, iż-żieda fil-Paga Minima Nazzjonali, żieda fil-pensjonijiet u fiċ-Children’s Allowance u l-Mekkaniżmu Addizzjonali għall-Għoli tal-Ħajja.
Il-pubbliku hu mħeġġeġ jaċċessa dan is-sit fejn fih hemm il-lista bil- prodotti kollha mdaħħla f’din l-inizjattiva kif ukoll il-ħwienet kollha li qed jipparteċipaw fiha, imqassma bil-lokalitajiet madwar Malta u Għawdex; https://stabbilta.gov.mt/product/