It-Tnejn, l-istazzjon ONE se jibda skeda oħra li hija mżawra minn programmi ta’ ġrajjiet kurrenti għal dawk ta’ drama, lifestyle u programm ta’ divertiment.
Kull filgħodu mit-Tnejn sal-Ġimgħa, Wayne Sammut u Elaine Degiorgio se jkunu qegħdin jippreżentaw il-breakfast show ONE Breakfast. Ta’ kuljum fid-disa’ u nofs ta’ filgħodu Wayne Aquilina se jippreżenta l-programm Espresso filwaqt li għall-għoxrin sena konsekuttiva f’nofsinhar isegwi l-programm Kalamita ppreżentant minn Alfred Zammit.
Fis-sitta u nofs ta’ filgħaxija jkompli jżomm appuntament mas-segwaċi ta’ ONE, il-programm politiku Pjazza ppreżentant minn Karl Stagno Navarra.
ONE News jibqa’ jxandar il-bulletin ewlieni tiegħu fis-sebgħa u nofs ta’ filgħaxija, li skont l-aħħar stħarriġ l-aħbarijiet itella’ udjenza massima ta’ aktar minn ħamsa u sebgħin elf telespettatur.
Programmi oħra ta’ ġrajjiet kurrenti oħra se jkun il-proġramm ġdid Stat ta’ Fatt immexxi minn Paula Cauchi li se jixxandar it-Tlieta fid-disgħa ta’ filgħaxija u Paperscan ta’ Manuel Micallef il-Ħadd filgħodu.
Id-Drama f’din l-iskeda ma tonqosx, bl-aktar drama popolari Division 7 l-Erbgħa fid-disgħa ta’ filgħaxija. Filwaqt li dramma ġdida fuq l-istazzjon ONE se tkun Elf Metodu li se tixxandar il-Ħadd fid-9:15 ta’ filgħaxija.
Programm ġdid li se jibda jixxandar kull nhar ta’ Ġimgħa filgħaxija huwa ‘Min Imissu’, fejn se jnissel tbissima lit-telespettaturi.
Programmi ġodda oħra marbuta mal-istorja u l-kultura hemm Ċippus u Moda l-Istorja.
It-Tnejn filgħaxija se jirritorna r-reality show Hazzard, filwaqt li t-Tlieta filgħaxija se jixxandar Airborne. Il-Ħamis filgħaxija jerġa’ jirritorna l-programm Ilsien in-Nisa mmexxi minn Claire u Pauline Agius u Claire Agius Ordway. Filwaqt li s-Sibt filgħaxija, Joseph Checuti jippreżenta l-programm Arani Issa.
Il-programmi sportivi fuq ONE ma jonqsux, fejn jirritornaw il-programmi Argument, Kick-Off u Żona Sport.
Dwar din l-iskeda l-ġdida ONE News tkellem maċ-Chairman ta’ ONE Jason Micallef li qal kif din l-iskeda ta’ disa’ xhur se tolqot il-gosti ta’ kulħadd.
“Nemmen ħafna li dawn l-iskedi jirriffletu ħafna l-investimenti fl-aħħar ġimgħat, fl-aħħar xhur fl-istazzjon ONE iżda wkoll b’investiment teknoloġiku iżda wkoll investiment fil-produzzjoni, fil-kwalità f’dak kollu li għandu x’jaqsam ma’ xandir ta’ kwalità ħafna fil-pajjiż biex inżommna fuq quddiem nett bħala l-akbar u l-aktar stazzjon kummerċjali u privat popolari fil-ġżejjer Maltin.”