Mill-ewwel ta’ Ġunju l-pubbliku jista’ jniżżel iċ-ċertifikat tal-vaċċin b’mod diġitali u online minn fuq is-sit tal-Gvern certifikatvaccin.gov.mt.
Dan sabiex meta persuna tiġi lura mis-safar f’pajjiżna ma jkunx hemm bżonn tipprovdi test negattiv.
Qal dan il-Prim Ministru Robert Abela waqt li kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet fil-Berġa ta’ Kastilja flimkien mad-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne.
Fil-fatt, il-Prim Ministru spjega kif b’rabta ma’ din is-sistema hemm kollox imħejji.
Spjega kif iċ-ċertifikat tal-vaċċin m’għandux biss vantaġġi għas-safar biss iżda anki biex persuni jistgħu jżuru lill-anzjani tagħhom b’mod aktar faċli fid-Djar tal-Anzjani fil-kamra tagħhom fost oħrajn.
Dr Abela tenna wkoll kif dan iċ-ċertifikat se jkun qed jiffaċilita l-organizzazzjoni ta’ ċerti attivitajiet madwar pajjiżna li jinvolvu riskju akbar ta’ trasmissjoni tal-virus.
Hawnhekk xorta saħaq il-Prim Ministru li l-pandemija għadha magħna u jeħtieġ nibqgħu kawti.
Dr Abela tenna kif fl-aħħar xhur dan il-Gvern ħadem b’mod għaqli u ppjana sabiex dejjem kien preparat.
Tenna kif is-suċċess fl-amministrazzjoni tal-vaċċin huwa eżempju ta’ dan hekk kif sa issa 210,000 persuna jinsabu mlaqqma kompletament.
B’riżultat ta’ dan il-Prim Ministru tenna li l-pajjiż gawda wkoll mill-att mediku hekk kif naqsu drastikament in-numru ta’ infezzjonijiet u mwiet b’rabta mal-Covid-19.
Min-naħa tiegħu d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne spjega li 72% tal-popolazzjoni adulta kollha hija mlaqqma bl-ewwel doża filwaqt li 48% hija mlaqqma kompletament.
Id-Deputat Prim Ministru aċċenna wkoll għas-sitwazzjoni pożittiva fl-isptar Mater Dei hekk kif fadal biss tliet persuni li qed jiġu trattati b’rabta mal-Covid-19.
Dwar iċ-ċertifikat tal-vaċċin, id-Deputat Prim Ministru spjega li minn nofsillejl is-sit certifikatvaccin.gov.mt se jibda jilqa’ l-ewwel reġistrazzjonijiet fiha.
Tenna li madwar 140,000 persuna se jkunu diġà eliġibbli biex jirċievu ċ-ċ-ċertifikat tal-vaċċin.
Spjega kif iċ-ċertifikat jista’ jitniżżel b’mod diġitali u jinżamm fil-mobile u anke fuq karta sabiex ikunu jista’ jinqara mill-uffiċjali.
Intant id-Deputat Prim ministru spjega wkoll li ċertu appuntamenti tal-għoti tal-vaċċin li ġew posposti se jkunu qed jerġgħu jingħataw hekk kif illum waslu 36,000 doża tal-vaċċin.