F’Aula Prima, fl-Università l-Antika fil-Belt Valletta ġiet fi tmiemha s-sensiela ta’ diskussjonijiet ‘Ejja u għid tiegħek’ mtella’ mill-Partit Laburista.
Is-sessjoni tal-lum bħal dawk qabilha rat is-sehem tal-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela li tkellem dwar kif għada se jiġi ppreżentat Baġit li se jindirizza t-tħassib u l-ħtiġijiet tan-nies favur kwalità ta’ ħajja aħjar.
Matul l-attività ta’ dalgħodu ddiskutew mal-Prim Ministru, l-erbgħa rapporters tas-sessjonijiet preċedenti li trattaw l-edukazzjoni, l-arti, l-ekonomija u l-lokalitajiet.
Il-Prim Ministru tenna kif il-Baġit għas-sena d-dieħla mhux se jkun preżentat għada biss iżda minn għada se jittellaq proċess ta’ tħabbir ta’ miżuri matul il-ġimgħa d-dieħla kollha.
Fl-intervent introduttorju tiegħu, Dr Abela tkellem dwar kif dawn l-attivitajiet jirriflettu l-messaġġ li ħa l-Partit Laburista fl-aħħar appuntament elettorali ta’ Ġunju li għadda dik li jisma’ lin-nies.
Kien għalhekk, li l-Partit Laburista għażel li jtella’ dawn l-attivitajiet biex jisma’ mingħand il-pubbliku u minn faxex differenti tas-soċjetà biex jisma’ l-isfidi li jkunu qed jaffaċċjaw.
Il-Prim Ministru wieġeb għall-kritika li ċertu interventi kienu kritiċi wisq tal-Gvern iżda hawn tenna l-importanza li l-Partit Laburista jkompli jinfetaħ u mhux jingħalaq fih innifsu.
Dr Abela nnota wkoll l-importanza li l-mudell ekonomiku jkun aġġustat biex jenfasizza l-kwalità tal-ħajja tan-nies u mhux biss il-kwantità. Dan filwaqt li spjega kif is-sitwazzjoni ekonomika ta’ pajjiżna hija bil-maqlub ta’ dak li qed iħabbtu wiċċhom magħhom l-pajjiżi ġirien tagħna.
Il-Prim Ministru sostna li dan is-suċċess ekonomiku imbagħad għandu jkun tradott f’ġid komuni fejn semma’ l-eżempji tal-ftehmiet kollettivi li ddaħħlu fis-seħħ u dak li qiegħed jiġi nnegozjat bħalissa mal-ħaddiema tas-servizz pubbliku.
Fl-intervent tiegħu, il-Professur Lino Bianco, tkellem dwar l-importanza tal-familja li qam fl-ewwel attività minn din is-sensiela. Huwa rrimarka kif in-nutrizzjoni hija wkoll aspett importanti lejn it-titjib tal-kwalità tal-ħajja, b’mod partikolari tat-tfal.
L-Ekonomista Kirsten Cutajar Miller, elenkat l-fatt li l-bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol huwa importanti għas-soċjetà tal-lum. Hija spjegat kif issa l-pubbliku qiegħed jara li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tiegħu wara t-tkabbir ekonomoku li esperjenza pajjiżna fl-aħħar snin li bidel ukol l-aspettativi tal-pubbliku. Hi tkellmet ukoll dwar il-fatt li l-pubbliku jixtieq li l-mudell ekonomiku ta’ pajjiżna jmur lejn aktar kwalità biex jiġu minimizzati l-isfidi li ġġib magħhom il-kwantità bħall-pressjoni fuq l-infrastruttura u t-traffiku.
Il-Psikologa, Leanne Bartolo tkellmet dwar l-importanza li wieħed idaħħal l-attività fiżika fil-ħajja ta’ kuljum bħala aspett li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja. Hija għaqqdet dan mal-bilanċ fl-attivitajiet li wieħed jagħmel bħal ħin ta’ kwalità fi spazji pubbliċi.
Il-Prim Ministru sostna s-sens ta’ kburija tiegħu lejn il-professjonisti fil-qasam soċjali. Kien hawn li ħabbar kif il-Baġit għas-sena d-dieħla se jindirizza l-attività fiżika b’miżura ddedikata li kienet xprunata minn laqgħa li Dr Abela kellu ma’ grupp ta’ żgħażagħ. Il-Prim Ministru elenka wkoll il-benefiċċji li jġib miegħu l-eżerċizzju bħar-reżiljenza u s-sens ta’ dixxiplina.
Ir-rapporteur tad-diskussjoni li trattat l-arti u d-divertiment, tkellem dwar il-fatt li fl-aħħar snin dan is-settur ingħata l-importanza fejn elenka numru ta’ proġetti bħall-MICAS, il-MUŻA u r-ritorn tal-Festival tal-Kanzunetta Maltija, Mużika Mużika. Huwa sostna kif din il-laqgħa kienet waħda animata għall-fatt li dan is-settur iservi ta’ arkivju li juri kif pajjiż jevolvi matul iż-żmien. Intqal li hemm il-ħsieb biex pajjiżna jingħaqad f’koperazzjoni ma’ pajjiżi oħra biex jiġu jinħadmu aktar produzzjonijiet f’pajjiżna, fost l-ideat li ġew diskussi waqt din il-laqgħa. Huwa rrefera wkoll għal suġġeriment partikolari b’rabta mal-Belt Valletta biex ikunu rrispettati r-residenti filwaqt li l-belt kapitali tibqa’ tkun ċentru tal-attivitajiet. Dan filwaqt li tratta l-mod li bih l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta għandha bżonn sala tal-kunċerti ddedikata għaliha biex tkompli ttejjeb il-livell tagħha.
Rachel Scicluna li kienet ir-rapporteur tal-laqgħa dwar l-lokalitajiet li rridu ngħixu fihom nnutat l-importanza tal-armonija bejn diversi aspetti fis-soċjetà. Hi trattat l-aspett tar-riċerka biex jitejjeb l-ippjanar fis-soċjetà filwaqt li jiġu bbilanċjati l-interessi differenti.
Is-Sindku tal-Imtarfa Dale Hayman, tenna kif il-Kunsilli Lokali għandhom ikunu fiċ-ċentru tat-titjib ambjentali li jrid ikompli jseħħ madwar il-lokalitajiet kollha ta’ pajjiżna. Filwaqt li elenka numru ta’ inizjattivi li qed jittellgħu fil-lokalità tiegħu, faħħar il-ħidma tal-aġenzija Project Green.
Elaine Degiorgio li hi ċ-Chairperson tal-Fondazzjoni iDEAT, tkellmet dwar l-importanza li bih il-Partit Laburista jibqa’ kritiku tal-Gvern filwaqt li l-Gvern għandu jkun kuraġġjuż u jwettaq il-bidliet meħtieġa għall-ġurnata tal-lum.
Fir-rimarki konklussivi tiegħu, l-Prim Ministru sellem il-ħidma tar-rapporteurs ta’ dawn il-laqgħat filwaqt li nnota l-apprezzament tiegħu għall-fatt li persuni b’opinjonijiet politiċi differenti tkellmu dwar dak li jixtiequ jaraw aħjar f’pajjiżna.
Huwa aċċenna dan mat-talent li jgawdi minnu pajjiżna u li se jkompli jiġi inċentivat fil-Baġit għas-sena d-dieħla. Il-Prim Ministru sostna kif pajjiżna baqa’ jwieżen lill-poplu anki wara l-pandemija u l-isfidi tal-gwerer.
Dr Abela tenna kif dan il-Baġit se jibni fuq dawk preċendti għaliex mhux biss mhux se jintroduċi taxxi ġodda iżda se jagħti l-akbar tnaqqis fit-taxxi li qatt ingħata. Dan jingħaqad ma’ diversi miżuri oħra bħal żidiet fil-pensjonijiet u l-għajnuniet kontra ż-żidiet fil-prezz tal-enerġija.
Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar l-viżjoni fit-tul, fejn irrimarka kif id-dokument ‘Malta Vision 2050’ li jinsab fi stadju avvanzat biex jiġi ppubblikat u se jgħaqqad is-setturi kollha fis-soċjetà fi ħdanu.
Dr Abela tkellem dwar dokument ieħor bl-isem ta’ Labour Migration Policy, li bħalissa għaddejja ħidma fuqu dwar l-mod li bih se jiġu ndirizzati sfidi konsegwenza tal-investiment li sar f’pajjiżna bħal dak fil-Belt Valletta.
Kien hawn li l-Prim Ministru tkellem kontra l-aġir populist tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista dwar il-ħaddiema barranin, filwaqt li aċċenna l-importanza ta’ studju dettaljat biex f’pajjiżna jidħlu biss ħaddiema barranin li x-xogħol tagħhom ikun meħtieġ.
Dan kollu jwassal biex il-ġid komuni li jinħoloq fl-ekonomija jibqa’ jitqassam b’mod ġust u li jitgawda b’mod tranwill minn kulħadd.
Dr Abela tkellem kif għada mhux se tkun biss il-ġurnata tal-baġit iżda ġimgħa fejn Ministeri differenti se jkunu qed jippubblikaw miżuri li jikkonċernaw lilhom.