Minn għada, it-Tnejn 28 ta’ Frar, l-uffiċjali tal-pulizija se jibdew iqassmu d-dokumenti għall-votazzjoni.
Dan it-tqassim ser isir kuljum bejn it-8 ta’ filgħodu u s-1 ta’ waranofsinhar u jkompli bejn it-3 ta’ waranofsinhar u d-9 ta’ filgħaxija.
Dan il-proċess għandu sal-Ġimgħa 11 ta’ Marzu.
Fi stqarrija, il-Kummissjoni Elettorali avżat lill-pubbliku li d-dokumenti għall-votazzjoni se jitqassmu fl-indirizz fejn il-votant huwa reġistrat.
B’hekk il-Kummissjoni saħqet li huwa importanti li fid-dar ikun hemm xi persuna responsabbli u li ma tkunx taħt is-16-il sena biex tkun tista’ tirċievi u tiffirma għad-dokumenti għall-votazzjoni.
Il-ligi elettorali tippermetti li rappreżentanti tal-partiti politiċi jakkumpanjaw lill-uffiċjali tal-Pulizija waqt it-tqassim ta’ dawn id-dokumenti.
Il-Kummissjoni Elettorali temmet tgħid li d-dokument għandu jinżamm f’post sigur għax mingħajru ħadd ma jkun jista’ jivvota f’jum il-votazzjoni.