Minn għada l-aċċessi b’superviżjoni u ta’ moniteraġġ ta’ tfal li huma rregolati bil-Qorti b’ordni ta’ ħarsien se jerġgħu jmorru lura għall-mod kif kien isir qabel l-imxija.
Dan wara digriet li l-Imħallef Anthony Vella ta fil-Qorti tal-Familja.
Kien il-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali li ressaq rikors favur id-dritt li t-tfal jaraw fiżikament il-ġenituri u dan wara li saru l-verifiki kollha neċessarji mal-awtoritajiet tas-saħħa u ngħataw linji gwida ta’ kif tali aċċess għandu jsir.
Intqal li l-ħaddiema tad-direttorat ser ikunu qed jiżguraw li l-partijiet ikkonċernati jżommu d-distanza soċjali.
Id-digriet jirrakkomanda li waqt l-aċċess, inkluż tfal ta’ aktar minn sitt snin, ikunu lebsin maskra jew visor u jkun hemm hand sanitizers.
Il-laqgħat bejn it-tfal u l-ġenituri jew in-nanniet se jsiru fi spazji miftuħa fost oħrajn u t-tfal li jgħixu fi djar residenzjali differenti mhux ser ikunu qed jiltaqgħu fiżikament bejniethom għalissa.