Numru ta’ strumenti li flimkien joħolqu melodija li tpaxxi l-widna. Din hija l-atmosfera li l-pubbliku se jerġa’ jibda jesperjenza b’sensiela ta’ kunċerti live li se tagħmel l-Orkestra Filarmonika Maltija fit-Teatru Rjali fid-daħla tal-Belt kapitali, bħala parti mill-MPO live li se jsiru dan ix-xahar.
ONE News żar l-aħħar provi qabel mas-Sibt jibda l-ewwel kunċert. L-għatx għal dawn il-kunċerti nħass tassew, għaliex il-biljetti nħatfu mal-ewwel. Hekk stqarr magħna uffiċjal tal-Orkestra Nazzjonali Jean Noel Attard meta staqsejnieh dwar l-aspettativi tal-orkestra wara xhur ‘il bogħod mill-udjenza.
Huwa qalilna, “Għandna tliet kunċerti bil-kollaborazzjoni tal-Malta Film Commission, dan l-ewwel kunċert, għandna l-mużiċisti tal-Malta Philarmonic flimkien maż-żgħażagħ tal-Malta Youth Orchestra propju s-side by side concert illi ħa jagħti l-opportunità lill-mużiċisti żgħażagħ tagħna li jesebixxu lilhom innfushom u anke jaħdmu ma’ surmastrijiet ta’ fama internazzjonali, f’dan il-każ għandna lis-Surmast Spanjol Pablo Gonzales. Għandna wkoll kunċert mużika tal-film li nħadmet Malta bla dubju dak ħa jinżel tajjeb ferm mal-udjenza tagħna u għandna wkoll kunċert Orchestra Classics, prattikament biċċiet popolari li jafhom kulħadd u żgur li l-Belt Valletta b’dawn il-ħsejjes sbieħ.”
Qal ukoll li fix-xhur li għaddew l-orkestra kienet xorta waħda impenjata billi tella’ siltiet ta’ mużika fuq il-mezzi soċjali li leħqu aktar minn ħames miljun persuna minn madwar 45 pajjiż, u b’hekk leħqet udjenzi ġodda barra minn xtutna.
Wara Lulju, l-Orkestra Filarmonika Maltija beħsiebha tħalli warajha l-impatt negattiv li ġabet magħha l-imxija u ssaħħaħ dawk l-esperjenzi ġodda li twieldu fiż-żmien ta’ sfida.
Kull kunċert se jsir skont il-pariri tal-awtoritajiet tas-saħħa.