F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar numru ta’ miżuri biex titrażżan l-imxija. Dawn se jidħlu fis-seħħ mill-Ġimgħa, ħamsa ta’ Marzu, sal-Ħadd 11 ta’ April, u fost oħrajn jimponu li ristoranti, kiosks u snack bars jinfetħu biss għal skop ta’ takeaway. Ristoranti u stabbilimenti fil-lukandi jistgħu jagħtu servizz għal nies residenti f’dawn il-postijiet.
Il-Prim Ministru qal li l-bars u l-każini se jibqgħu magħluqa u l-multa għal min jikser dawn ir-regolamenti se tirdoppja minn tlett elef ewro għal sitt elef ewro.
F’Kastilja, il-Prim Ministru semma li dawn il-miżuri bilanċjati għal ftit ġimgħat, jistgħu jkunu iebsin għan-negozji u għalhekk ħabbar li l-għajnuna tal-Gvern fil-ħlas tal-pagi, jiġifieri l-Covid Wage Supplement se tkun estiża sa Ġunju li ġej. Is-sidien tar-ristoranti wkoll se jerġgħu jieħdu l-għajnuna sħiħa tal-Covid Wage Supplement.
Il-Prim Ministru Robert Abela stqarr: “Nista’ nħabbar illum li l-Gvern se jkun qiegħed jestendi l-Wage Supplement għan-negozji sa’ Ġunju li ġej. Se ngħinu wkoll b’inizjattiva lir-ristoranti li jixtiequ jmorru onlajn. WHITEFLASH Irrid ngħid li permezz ta’ dan is-suppliment tal-pagi u l-leave tal-kwarantina diġà tajna lin-negozji aktar minn €360 miljun.”
Dr Abela semma wkoll il-projbizzjoni ta’ attivitajiet tal-massa oħra ħlief tiġijiet u dawk reliġjużi. Qal li f’attivitajiet privati fid-djar se jkunu permessi nies minn erba’ households differenti u mhux iktar, u min jikser din id-direttiva jeħel multa ta’ mitt ewro għal kull persuna.
Il-miżura għal dawk li joffru l-akkomodazzjoni u li tgħid li ma jaqbżux okkupanza daqs kemm jifilħu s-sodod, ħa tibqa’ fis-seħħ.
Dr Abela ħabbar ukoll projbizzjoni fuq contact sport għal dawk it-tfal ta’ 16-il sena jew inqas. Dawk li għandhom aktar minn sittax-il sena jistgħu jipprattikaw dan skont il-protokolli tal-awtoritajiet tas-saħħa.
Intant saru appelli fuq il-postijiet tax-xogħol għal teleworking, dejjem fejn hu possibbli.
Il-Prim Ministru Abela tenna: “Minn nhar it-Tnejn li ġej se terġa’ tiddaħħal fis-seħħ id-direttiva tas-Segretarju Permanenti Ewlieni biex kull fejn ix-xogħol jippermertti il-ħaddiema tal-Gvern u tal-entitajiet pubbliċi jaħdmu bit-telework filwaqt li jsiru l-arranġamenti kollha biex is-servizzi pubbliċi jibqgħu jingħataw u ma jiġux impattati negattivament. Fl-istess ħin qed inħeġġeġ anke lis-settur privat biex fejn huwa possibbli jimxi mal-eżempju li qed jagħti l-Gvern u fejn hemm lok il-ħaddiema jaħdmu bit-telework.”
Il-Prim Ministru Robert Abela qal li kull deċiżjoni ttieħdet b’maturità u s-sens komun, u li dawn il-miżuri ttieħdu fuq pariri mill-awtoritajiet tas-saħħa.
Saħaq li l-infurzar se jkun qed jiżdied fosthom mill-Pulizija u l-ispetturi tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu. Qal li se jkunu qed jiżdiedu r-riżorsi għall-iżjed infurzar favur l-osservanza tal-miżuri tal-awtoritajiet tas-saħħa.
Intant fl-istess konferenza tal-aħbarijiet, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne spjega li minħabba żieda fin-numru ta’ każijiet se jitwaqqfu l-viżti għal persuni rikoverati fl-isptarijiet, ħlief dawk li saritilhom il-griżma tal-morda jew qegħdin fil-periklu li jitilfu ħajjithom.
Żied jgħid li t-tnaqqis ta’ restrizzjonijiet fost id-djar tal-anzjani, fejn hemm aktar minn 90% tar-residenti mlaqqma kompletament, se jiġi pospost bi ftit sakemm naraw in-numru ta’ infezzjonijiet jonqsu.