Il-Gvern spjega li minn għada persuni vulnerabbli fosthom anzjani ta’ ħamsa u sittin sena, nisa tqal u persuni b’mard kroniku għandhom jibqgħu miġbura d-dar bħala prekawzjoni mill-Coronavirus.
Madankollu l-Gvern saħaq li jeżistu eżenzjonijiet għal dawn in-nies milquta.
Dawn in-nies għandhom joħorġu minn djarhom biss għall-appuntament mediku, jixtru ikel, mediċini u ħtiġijiet oħra.
Intqal ukoll li dawn in-nies għandhom joħorġu biss għall-affarijiet essenzjali jew urġenti.
Il-Gvern qal li dawn il-persuni vulnerabbli li joħorġu għal vera bżonn għandhom xorta jżommu d-distanza u ma jdumux aktar mill-ħin meħtieġ.
Intqal li dawk il-persuni li jgħixu fl-istess dar jistgħu jmorru għax-xogħol u għal ħtiġijiet oħra bħal xiri, kif saħqet illum waranofsinhar, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika l-Professur Charmaine Gauci.
Intqal ukoll li l-persuni vulnerabbli li jintlaqtu b’dawn il-prekawzjonijiet ta’ ġid għalihom, jistgħu jibbenefikaw ukoll mill-miżuri finanzjarji diġà mħabbra mill-Gvern.
Dawn il-miżuri ta’ prekawzjoni biex tiġi protetta saħħet dawk l-aktar vulnerabbli mill-Coronavirus se jibqgħu fis-seħħ b’mod indefinit.