Il-Ħadd filgħodu bis-sessjoni plenarja ewlenija tal-Konferenza Ġenerali, il-Partit Laburista se jibda kampanja elettorali importanti.
Kampanja li għandha twassal sal-25 ta’ Mejju meta l-poplu Malti u Għawdxi se jivvota fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u l-Kunsilli Lokali.
Id-Direttur tal-Komunikazzjoni tal-Partit Laburista, Aleander Balzan, fisser kif din is-sena l-Konferenza Ġenerali mhux biss kellha stil differenti, iżda anke sinjifikat partikolari.
“Mhux biss itemm ta’ konferenza imma bidu ta’ xi ħaġa isbaħ. Kampanja li se twassla għal 25 ta’ Mejju. Kampanja li se tkun favur Malta,” qal Balzan.
Tul il-jum tas-Sibt, fil-bini taċ-Ċentru Nazzjonali Laburista kienet għaddejja ħidma ma taqta xejn bil-għan li kollox ikun lest għal dan l-avveniment.
Fejn l-iktar mistenni hu d-diskors tal-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Joseph Muscat.
“Jagħti sinjal ta’ x se jkun il-messaġġ tal-kampanja. Diskors mistenni u importanti. Għaldaqstant wieħed għandu jkun parteċipi u jingħaqad għada fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista,” kompla jispjega Balzan.
Il-Maltin u Għawdxin qed ikunu mistiedna jkunu preżenti għal bidu ta’ dan il-vjaġġ.
“Biex il-Ħadd filgħodu jingħaqdu magħna. Se jkun hemm il-faċilitajiet kollha u aħna qegħdin ngħidu lin-nies ejjew u ngħaqdu magħna fil-bidu ta’ dan il-vjaġġ,” fisser Balzan.
Wara nhar il-Ħadd imbagħad l-istedina tkun għal nhar l-Erbgħa fi Pjazza Kastilja fl-ewwel ta’ Mejju.