L-iskola medika ġdida ta’ Barts f’Għawdex se tiftaħ il-bibien tagħha t-Tnejn, meta l-ewwel mitt student se jibdew jieħdu t-taħriġ mediku tagħhom f’din l-iskola state of the art.
Ħabbar dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne, li ma’ ONE News spjega kif ġaladarba l-korsijiet kollha jkunu mimlija fuq medda ta’ snin, f’din l-iskola moderna se jingħata taħriġ lil tliet mitt student tal-mediċina.
Mr Fearne qal kif “Din il-binja li ħa tiftaħ il-bibien tagħha proprju għada filgħodu hija investiment ta’ Steward Healthcare li swiet sitta u tletin miljun ewro fondi li ġew kompletament minn Steward Healthcare u allura dan huwa parti mill-investiment li qed isir fit-tagħlim mediku kif ukoll fis-servizzi mediċi fil-gżira Għawdxija.”
Barts hija t-tieni l-eqdem skola medika fl-Ewropa. L-ewwel waħda hija l-iskola medika ta’ Malta.
Dan ifisser li issa fil-gżejjer Maltin għandna l-aktar żewġ skejjel mediċi rinomati fl-Ewropa.
F’Barts se jsiru numru ta’ korsijiet għal tobba barranin, u allura Għawdex ħa tattira studenti u tobba minn madwar id-dinja.
Spjega kif “Ħafna minn dawn l-istudenti jerġgħu jmorru lura barra ’l pajjiż u allura jibqgħu b’dak il-link mal-gżira Għawdxija, mas-sistema tas-saħħa Maltija, li ’l quddiem tkompli ġġib aktar expertise, aktar servizzi lejn il-gżejjer tagħna.”
Biex dan l-investiment multi-miljunarju mhux biss se jagħti imbutattura lill-ekonomija Għawdxija, iżda jservi wkoll ta’ pont bejn tobba minn madwar id-dinja ma’ dawk Maltin biex tkun assigurata kura tal-ogħla livell.
Qal li “Il-professuri ta’ Barts qed jgħidulna li din hija l-aqwa skola medika tal-Ewropa, li se tkompli ġġibilna unur lejn pajjiżna, tkompli ġġib aktar taħriġ lejn il-gżejjer Maltin u Għawdxin u tkompli tagħti garanzija ta’ aktar servizzi li se nkunu qed noffru lill-poplu Għawdxi.”
New fantastic #Barts Medical School opening its doors to students tomorrow in #Gozo #SUĊĊESS pic.twitter.com/RqBQAhQLff
— Chris Fearne (@chrisfearne) October 27, 2019