Il-kunsill ġenerali straordinarju tal-Partit Nazzjonalista ġie indirizzat mill-kunsillier Justin Schembri mill-fazzjoni Delia.
F’għadd ta’ botti lejn il-fazzjoni Busuttil, qal li din il-fazzjoni qiegħda tattakka b’mod personali.
“Dan huwa inaċċetabbli”, ħambaq Justin Schembri li tqabbad mill-fazzjoni ta’ Delia biex jiftaħ il-Kunsill Ġenerali u jikkarga n-nies favur il-Kap.
Schembri ma qagħadx jogħmodha u saħaq li l-Partit Nazzjonalista huwa maqsum bejn żewg fazzjonijiet.
F’għadd ta’ botti oħra lejn il-fazzjoni Busuttil, qal li huwa qiegħed hawn sabiex jiddefendi legat tad-demokrazija u legat tas-saltna tad-dritt, jiġifieri jiddefendi lil Adrian Delia li intgħażel mit-tesserati sentejn ilu.
Qal li min irid jiddefendi d-demokrazija l-ewwel għandu jirrispetta li għandu kap wieħed, lil Adrian Delia.
Akkuża lil fazzjoni ta’ Simon Busutill li daħħlu politika ta’ kunflitt u mibgħeda.
Qal li fil-Partit Nazzjonalista hemm diviżjoni interna fejn naħa qed tikkumbatti lil oħra.
F’diskors mimli izzikar lil fazzjoni Busuttil li ilha sentejn tfixkel lil fazzjoni Delia, Justin Schembri saħaq li minn għada l-fazzjoni Busuttil trid tbaxxi rasha u terfa’ r-responsabilità.
Huwa appella lil kunsilliera Nazzjonalisti sabiex jivvutaw iva biex Delia jsalva ġildu.
Fost iċ-ċapċip tal-kunsilliera mill-fazzjoni Delia, qal li llejla se jirbaħ iż-żiemel tiegħu biex eventwalment il-Partit Nazzjonalista jirbaħ l-elezzjoni ġenerali li jmiss.