Il-Kumpanija Malta Dairy Products żvelat kif mit-28 ta’ Jannar il-pubbliku se jkun jista’ jixtri prodott ġdid tal-ħalib tal-Benna.
F’konferenza tal-aħbarijiet fil-fatt tħabbar kif issa l-familji Maltin u Għawdxin ser ikollhom l-għażla li jixtru ħalib imsaħħaħ bil-vitamina D.
Dan il-ħalib ser ikun f’kartuna safra li tiddistingwih mit-tipi ta’ ħalib differenti li toffri din il-kumpanija.
Il-Professur Suzanne Piscopo spjegat li l-vitamina D tgħin fl-immunità tal-bniedem.
Hija spjegat: “Il-vitamina D hija importanti ħafna tul il-ħajja kollha kemm għat-tfal biex jibnu għadam b’saħħithom u imma anke fl-adulti u l-anzjani u fl-anzjani partikolarment importanti li jkollhom l-għadam b’saħħithom u l-muskoli jaħdmu tajjeb biex jevitaw affarijiet bħal waqgħat u jekk jaqgħu jew jaħbtu l-għadam ikun b’saħħtu biżżejjed biex ma jinkisirx mal-ewwel.”
Il-Kap Eżekuttiv Robert Cauchi, tal-KPH Group u li jinkorpora fih lill-Malta Dairy Products spjega kif dan il-ħalib se jkun jista’ jinxtara b’ewro u ħames ċenteżmi l-kartuna.
Hu qal, “Dan il-prodott ħa jibda minn għada jkun fil-ħwienet madwar Malta u Għawdex u l-prezz rakkomandat ħa jkun ta’ €1.05c.”