Fil-parkeġġ tal-istazzjon ONE, il-post li minnu l-Partit Laburista jikkomunika l-messaġġ tiegħu, nhar il-Ħadd jissoktaw l-attivitajiet politiċi tal-istess partit.
Wara sajf ta’ intervisti li kważi f’kull tmiem il-ġimgħa ixxandru fuq ir-radju u l-paġna facebook tal-Partit Laburista, issa n-nies qed jerġgħu jkunu mistiedna jattendu għal attività politika. Qal kif “In-nies jistaqsu kontinwament. Meta se nerġgħu nibdew? Se nerġgħu nibdew il-Ħadd u nħeġġuhom jingħaqdu magħna. Kien hemm min staqsa għaliex ħdejn il-ONE. Min se jsegwi se jkun jaf ir-raġuni. Raġuni li hi waħda eċitanti.”
Ftit tal-jiem wara li se jkun indirizza l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda, il-Prim Ministru jerġa’ jkun fost il-pubbliku.
Xi ħaġa li jieħu pjaċir jagħmel ta’ kull ġimgħa.
Lewis spjega li “Minkejja l-impenji ma jaqtgħu xejn ta’ Prim Ministru nipprovaw inżommu dan l-appuntament kull nhar ta’ Ħadd. Għax anke mill-gvern irridu nibqgħu partit viċin in-nies. Nisimgħu xi jridu jgħidu n-nies u nikkomunikaw magħhom”
Dawk li se jattendu għal-din l-attività politika huma mħeġġa jipparkajaw fil-parkeġġ taċ-ċimiterju tal-addolorata. L-attività, li se tkun qed issir lejliet il-ftuħ tal-Parlament, tibda fl-għaxra u nofs ta’ filgħodu.