Il-kmamar li jiffurmaw dak li kien magħruf bħala l-Harbour Fire Command fil-parti ta’ fuq nett tal-Forti Sant’Iermu se jkunu miftuħin għall-pubbliku minn għada ’l quddiem, biex ikomplu jsebbħu l-esperjenza tal-viżitatur f’dan il-forti impressjonanti mibni forma ta’ stilla fl-1552.
Fit-tieni nofs tas-snin 30 tas-seklu 20, billi beda jitbassar li se tfaqqa’ t-Tieni Gwerra Dinjija, ġie deċiż li fil-Forti Sant’Iermu, bil-pożizzjoni strateġika tiegħu bejn il-Port il-Kbir u l-Port ta’ Marsamxett, kellu jitwaqqaf il-Harbour Fire Command.
Minn hemmhekk kellha tkun kordinata l-artillerija kollha fil-fortijiet tul il-kosta tal-Grigal li kienu jiddefendu liż-żewġ portijiet.
Il-kumpless li nbena fl-1938 biex jaqdi dan ir-rwol kellu diversi kmamar, kull waħda b’funzjoni speċifika. Għalkemm il-kumpless inbena fil-għoli ħafna – fuq il-kavallier tal-forti – biex ikopri l-akbar medda possibbli, sar kull sforz biex kemm jista’ jkun ma jkunx jidher.
L-istruttura, magħmula mill-konkrit rinfurzat, kienet tikkonsisti f’Chart Room, Telephone Room, Fortress Observation Post, Fire Command Post, u kamra oħra magħrufa bħala Officer Commanding Electric Lights Room.
Il-Harbour Fire Command baqa’ jintuża sal-1956, meta d-difiża tal-kosta ġiet abolita. Bejn l-1949 u l-1951, il-Prinċipessa Eliżabetta (li aktar tard saret ir-Reġina Eliżabetta II) kienet iżżur il-post biex minnu xxejjer lil żewġha, id-Duka ta’ Edinburgh, li dak iż-żmien kien iservi fuq bastimenti tal-Qawwa Navali Rjali stazzjonati f’Malta.
Minbarra l-Harbour Fire Command, fil-Forti Sant’Iermu issa hemm ukoll l-attrazzjoni addizzjonali ta’ esperjenza immersiva fis-sular ta’ isfel, fejn il-viżitaturi jittieħdu lura fiż-żmien permezz ta’ proġezzjonijiet 3D fuq il-ħitan li jispjegaw l-istorja talkavallier tal-Forti Sant’Iermu.